Sport

Tmiem ta’ sena sportiva – Sena ta’ suċċessi minn Malta, li jikkonferma t-tkabbir tal-isport lokali f’diversi dixxiplini

Is-sena 2025 kienet is-sena li fiha Malta kisbet riżultati mill-aqwa fl-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Is-sena 2025 kienet is-sena li fiha Malta kisbet riżultati mill-aqwa fl-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

Tmiem ta’ sena oħra sportiva, li fl-2025 tat lil Malta diversi ferħ u emozzjonijiet sbieħ, li kienu mifruxa f’diversi dixxiplini sportivi. Uħud minn dawn kienu suċċessi bla preċident f’dixxiplini sportivi li huma relattivament ġodda jew li sal-lum ma kienux meqjusa fost l-aktar popolari mad-dilettanti sportivi Maltin u Għawdxin.

It-tieni l-aqwa riżultat minn Malta f’edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

L-2025 kienet is-sena fejn matulha kienet organizzata l-20 edizzjoni tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li saru f’Andorra fl-aħħar ta’ Mejju. Sentejn ilu, Malta kienet organizzat dan l-avveniment, b’suċċess fejn konna ksibna l-aqwa riżultat fl-istorja ta’ dawn il-logħob. Dak in-nhar, Tim Malta kien rebaħ total ta’ 97 midalja, b’38 minnhom kienu ta’ lewn id-deheb.

Din is-sena, f’Andorra, ħadd ma kien qed jistenna l-istess riżultat mill-atleti Maltin, anke għaliex il-kontinġent Malti kien iżgħar fin-numru u kien hemm numru ta’ dixxiplini sportivi ġodda li eventwalment tawna riżultati sorprendenti, b’numru sabiħ ta’ midalji mirbuħa. Fost dawn id-dixxiplini kien hemm l-Għawm Artistiku, il-Ġinnastika u l-Karate.

F’Andorra, Malta kisbet l-aqwa riżultat fl-istorja ta’ dawn il-logħob, f’edizzjoni li saret barra minn pajjiżna. Il-kontinġent Malti rebaħ total ta’ 56 midalja, b’13-il midalja minnhom kienu tad-deheb.  L-akbar protagonista tal-Maltin f’dawn il-logħob kienet il-ġinnasta, Sophie St John li fl-ewwel dehra tagħha f’edizzjoni tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar, rebħet ħames midalji; tlieta tad-deheb, waħda tal-fidda u midalja oħra tal-bronz.

Ħamrun Spartans jiktbu l-istorja tal-ewwel klabb Malti li javvanza għall-istadju ta’ Kampjonat ta’ kompetizzjoni tal-UEFA

Is-suċċess taċ-champions Maltin tal-futbol fl-Ewropa, Ħamrun Spartans, bla dubju jibqa’ wieħed mill-aqwa riżultati li kiseb l-isport Malti matul l-2025. Wara li f’Mejju, il-Ħamruniżi rebħu l-11-il Kampjonat tagħhom fl-istorja; l-ewwel wieħed b’format ġdida tal-Malta Premier, fil-bidu tal-istaġun 2025/26, l-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Sqalli, Giacomo Modica beda’ mixja impressjonanti fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

It-tmexxija amministrattiva ta’ Ħamrun Spartans, taħt il-Presidenza tal-imprenditur, Joseph Portelli kompliet tinvesti f’aktar plejers ta’ kwalitá li kompla jgħolli l-profil tal-iskwadra tant li għall-ewwel darba fl-istorja, Ħamrun Spartans sar l-ewwel klabb Malti li avvanza għall-istadju ewlieni ta’ kompetizzjoni Ewropea.

Ħamrun Spartans issuperaw l-istadju tal-play-offs tal-UEFA Conference League, biex avvanzaw għall-istadju ta’ Kampjonat ta’ din il-kompetizzjoni, b’dħul finanzjarju bla preċident għal klabb Malti. Il-kwalifikazzjoni tal-Ħamruniżi għall-istadju ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni tal-UEFA, fisser li ċ-champions Maltin kienu se jilgħabu sitt partiti f’stadju li l-ebda klabb Malti qatt ma kien irnexxilu jasal fiħ.

Il-prestazzjonijiet ta’ Ħamrun Spartans f’dawn is-sitt partiti, minkejja li lagħbu kontra avversarji iebsa bħal fil-każ ta’ Jagiellonia Białystok, Lausanne-Sport, Samsunspor u Shakhtar Donetsk fost l-oħrajn, kienu pożittivi. Minkejja li kontra dawn l-avversarji, l-iskwadra ta’ Modica tilfet dejjem, kien hemm drabi fejn il-Maltin setgħu kisbu punt jew aktar, b’daqxejn element ta’ fortuna jew ħażen.

Ħamrun Spartans pero kitbu l-istorja meta f’dan l-istadju ta’ kompetizzjoni kisbu l-unika rebħa ta’ dan l-istadju, kontra Lincoln Red Imps, champions ta’ Ġibiltá, bl-iskor ta’ 3-1.

Ħamrun Spartans sfaw eliminati milli jkomplu javvanzaw iżda rrnexxilhom jiġġeneraw dħul ta’ ftit anqas minn €5 miljun ewro; ammont finanzjarju li hu l-akbar wieħed fl-istorja li qatt kiseb klabb Malti minn parteċipazzjoni f’kompetizzjoni Ewropea.

Sena b’riżultati pożittivi għat-timijiet nazzjonali tal-futbol tal-irġiel u tan-nisa

L-2025 kienet sena pożittiva kemm għat-tim nazzjonali tal-futbol tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. Ir-riżultati miksuba miż-żewġ timijiet rispettivi jagħtuna kuraġġ u tama kbira li fl-2026 iż-żewġ timijiet nazzjonali għandhom fuq xiex ikomplu jibnu u jikkonsolidaw.

Matul din is-sena li qed tintemm, l-iskwadra tal-irġiel bdiet titmexxa mill-kowċ il-ġdid Emilio De Leo, f’grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026, li kien kompost minn avversarji li kollha kellhom ranking tal-FIFA bil-wisq aħjar minn tagħna. Agħar minn hekk kien grupp kompost mill-qawwa tal-Olanda u l-Polonja fost l-oħrajn.

B’De Leo kowċ, u li ddebutta mal-ewwel f’partita kompetittiva, mingħajr qatt ma kellu ċans jesperimenta jew jilgħab partita waħda ta’ ħbiberija, Malta, kisbet rekord ta’ ħames punti u għat-tieni darba fl-istorja, temmejna grupp ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja jew tal-EURO, mhux fl-aħħar post.

L-aqwa riżultat li t-tim Malti akkwista kien dak ta’ nhar l-14 ta’ Novembru li għadda, meta f’Helsinki ktibna l-istorja b’rebħa ta’ 1-0 kontra l-Finlandja b’gowl ta’ Jake Grech, b’tmien minuti mit-tmiem tal-konfront.

Taqta’ barra ż-żewġ partiti li lagħbna kontra l-Olanda, fil-bqija tal-konfronti l-oħra, Malta dejjem kienet avversarju denju, inkluż fl-aħħar logħba tal-grupp kontra l-Polonja f’Ta’Qali fejn tlifna 3-2, bil-gowl Pollak li ċaħħad lil Malta minn draw kien skorjat ħames minuti mit-tmiem tal-partita.

It-tim tan-nisa taħt it-tmexxija tal-Manuela Tesse bħala kowċ, għat-tieni darba fl-istorja, it-tfajliet Maltin kisbu promozzjoni minn League C għal League B tal-UEFA Nations League, wara li fl-aħħar ta’ Mejju li għadda, b’logħba waħda mit-tmiem tal-grupp, b’rebħa importanti kontra Ċipru konna aċċertajna minn promozzjoni matematika.

Ta’ 51 sena, Fabio Spiteri jkompli jimpressjona u jikser ir-rekords fid-DECA Ultratriathlon

Lilhinn mill-futbol, is-sena 2025 kienet sena sinifikanti għal wieħed mill-aqwa atleti sportivi Maltin ta’ kull żmien, Fabio Spiteri. Ta’ 51 sena, Spiteri kompla jikseb aktar suċċessi bla preċident meta kkonsolida ruħu bħala l-aktar ultra-triatleta Malti ta’ suċċess wara li kklassifika fit-tieni post f’żewġ tiġrijiet DECA Ultratriathlon matul l-2025. Dawn it-tiġrijiet saru f’Awwissu u f’Novembru rispettivament.

F’Awwissu, Spiteri saħansitra kiser ir-rekord nazzjonali tiegħu meta spiċċa fit-tieni post fid-Deca Bretzel Ultra Triathlon f’Colmar, Franza. Hu rnexxielu jtemm id-distanza f’233 siegħa, 10 minuti u 25 sekonda.

It-tim sport tagħna aktar ferħ u riżultati sbieħ matul l-2025, din id-darba fil-waterpolo u fil-livell taż-żgħażagħ.

L-aqwa suċċess fl-istorja għat-tim nazzjonali tal-water polo ta’ taħt it-18-il sena fil-Kampjonati Ewropej

Fis-sajf li għadda, l-iskwadra nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena taħt it-tmexxija tal-eks plejer internazzjonali Malti, Jonathan Valletta rrnexxilhom jiksbu l-aqwa riżultat fl-istorja meta kklassifikaw fid-disa’ post fil-Kampjonati Ewropej li saru fir-Rumanija.

Sena storika għall-Pool u l-Blackball f’pajjiżna

Malta kisbet suċċessi oħra fuq skala kbira fl-isport Ewropew fl-akbar turnaments li saru fl-2025, fil-Pool u fil-Blackball.

Fil-Pool, it-tim nazzjonali tal-Irġiel, rebaħ l-Ultimate Pool World Team Shootout għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan l-isport meta fil-finali pajjiżna għele lil Wales 5-4.

It-tim nazzjonali tal-irġiel tal-Malta Pool ġie kkurunat rebbieħ tal-Ultimate Pool World Team Shootout għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu.

Matul din l-istess sena, Malta ċċelebrat ukoll l-aqwa suċċess miksub sal-lum fil-Kampjonati Ewropej tal-Blackball li saru f’Ennis, l-Irlanda.

Il-Maltin rebħu total ta’ seba’ midalji f’din l-edizzjoni, b’erba’ minnhom kienu tad-deheb u l-bqija tal-fidda.