Sport Waterpolo

Uffiċjali | Jake Muscat jiffirma kuntratt ta’ erba’ snin ma’ San Ġiljan

Jake Muscat flimkien mal-President ta' San Ġiljan, Peter Bonavia waqt il-firma tal-kuntratt ta' erba' snin mal-klabb il-ġdid tiegħu.
Jake Muscat flimkien mal-President ta' San Ġiljan, Peter Bonavia waqt il-firma tal-kuntratt ta' erba' snin mal-klabb il-ġdid tiegħu.

Qabel l-aħħar tokki tas-sena 2025, l-internazzjonali Malti ta’ 22 sena, Jake Muscat iffirma kuntratt ta’ erba’ snin ma’ San Ġiljan. Din l-aħbar ittemm kwalunkwé spekulazzjoni dwar il-futur ta’ wieħed mit-talenti ‘l kbar li għandu l-waterpolo Malti fil-preżent, wara li matul din is-sena li qed tintemm, Muscat kien sospiż mil-klabb li miegħu dejjem lagħab sal-lum, Neptunes.

Ir-relazzjoni bejn Muscat u Neptunes kienet spiċċat, tant li matul din is-sena, inkluż fis-sajf, Muscat ma lagħab xejn u ma kienx parti mit-tim ta’ Neptunes. Muscat kien għadu taħt kuntratt ma’ Neptunes u wara li l-plejer xtaq imur ma’ San Ġiljan, Neptunes kienu lesti jinnegozzjaw biss it-trasferiment tiegħu għal ma’ Sirens.

Madankollu fl-aħħar jiem kien hemm żvolta, b’Neptunes jiksbu l-firma ta’ Ivan Nagaev, li m’għadux aktar meqjus bħala plejer barrani iżda plejer Malti wara li ġab il-passaport biex ikun jista’ jilgħab għat-tim nazzjonali Malti, kien hemm hemm qbil biex sa fl-aħħar, Muscat setgħa jħalli lil Neptunes u jiffirma ma’ klabb tal-għażla tiegħu.

Kien illum wara nofs in-nhar, li l-ftehim bejn San Ġiljan u Muscat ġie ffirmat b’kuntratt wara li f’dawn l-aħħar jiem kien hemm diversi rapporti fuq il-media lokali, li kienu qed jgħidu li Muscat kien se jiffirma ma’ San Ġiljan.

Kif jidher f’dan ir-ritratt esklussiv li qed jippublika Net News, iċ-champions tas-sajf li għadda, San Ġiljan b’hekk iffirmaw lil Muscat, li mingħajr dubju hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa talenti li qatt ipproduċa l-waterpolo domestiku f’dawn l-aħħar snin u li sal-lum iddistingwa ruħu b’abiltá kbira kemm ma’ Neptunes kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti.