Lokali

X’riżoluzzjonijiet se tagħmel għas-sena l-ġdida?

Wasalna fi tmiem is-sena, u bħal kull sena bħala parti mit-tradizzjoni tas-sena l-ġdida, huma diversi n-nies illi jagħmlu xi riżoluzzjoni li tagħti tama u aspettativa għal sena aħjar – b’aktar paċi u inqas aħbarjiet koroh.

Fl-aħħar jiem crew ta’ Net News, żar il-Belt Valletta u staqsejna lin-nies jekk għandhomx xi riżoluzzjonijiet għas-sena l-ġdida.

Kien hemm min qalilna li jixtieq inaqqas mill-ikel, li jaqta’ s-sigaretti u fuq kollox li jkollhom is-saħħa. Oħrajn qalulna li jixtiequ jkollhom sena aħjar u japprezzaw aktar l-affarjiet prezzjużi li għandhom f’ħajjithom – bħall-ħin u l-persuni għeżież għalihom. Imbgħad, kien hemm oħrajn illi qalulna li ma jagħmlux  riżoluzzjonijiet.

Fir-risposti differenti tagħhom, kienu bosta dawk li esprimew it-tama tagħhom illi ninsew dak li jifridna u niffukaw iżjed fuq dak li jgħaqqadna.

U minkejja l-opinjonijiet differenti dwar ir-riżoluzzjonijiet – kulħadd jittama li s-sena 2026 tkun aħjar minn din is-sena, f’kull rokna tad-dinja.