Il-binja antika li ġġarfet fi Triq l-Antika fil-Birgu, hija binja tal-housing u l-Ministru Roderick Galdes responsabbli minn dan is-settur kien ilu snin jaf bl-istat li din il-binja li tinsab fiha.
Net News jista’ jikkonferma b’mod esklussiv, li l-Ministru Galdes u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienu ilhom infurmati u pressati biex jagħmlu xi ħaġa sa minn Lulju tal-2023.

Fil-fatt dan l-istazzjon għadnu f’idejh emails mibgħuta mis-Sindku tal-Birgu John Boxall, li jinkludu diversi ritratti ta’ din il-binja b’emails oħrajn li intbaghtu lura f’Lulju tal-2024 u ieħor fil-31 ta’ Diċembru 2025.
Is-Sindku f’isem il-Kunsill Lokali tal-Birgu kien talab lill-Ministru Galdes biex, isib soluzzjoni aħjar milli jibni scaffolding fit-triq biex meta ċċedi il-binja ma jaqax il-ġebel fit-Triq. Lura fl-2023 is-Sindku kien spjega li dawn il-gallariji qed jaqgħu.


Fuq kollox is-Sinku Boxall kien fakkar lill-Ministru Galdes, li erba’ snin qabel kien għamel konferenza stampa quddiem din l-istess binja u kien qal li se jsir restawr, bis-Sindku lura fl-2023 jitolbu biex jibda’ jatwa din il-wegħda.
Bis-Sindku jistaqsi lill-Ministru b’mod dirett lill-Ministru, lil min jaħseb li qed jgħaddi biż-żmien u għaliex ir-residenti tal-Birgu qed jiġu trattati b’dan il-mod.
X’qed nistennew? Li taqa? Li jmutu n-nies? kien staqsa s-Sindku Boxall lura fl-2024.
Intant, Net News prova jgħamel kuntat mas-Sindku tal-Birgu però dan kien indispost li jagħtina r-risposti.
Ir-residenti tal-madwar qalulna wkoll li ilhom isiru bosta rapporti fuq il-periklu li tista’ tiġġarraf – sabiex issa spiċċa kien hemm tiġrif veru. U b’xorti tajba ma kien hemm l-ebda’ fatalitajiet.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna wkoll li fl-akwata tat-Triq l-Antika fil-Birgu – magħrufa bħala n-naħa tal-mandraġġ – hemm bosta binjiet oħra kkundannati li jinsabu wkoll fil-periklu li jiġu mġarfa wara snin ta’ abbandun. Dan b’detriment fuq ir-residenti u dawk kollha li jżuru l-Belt Vittoriosa.
Diversi kienu dawk li fl-aħħar snin saħqu sabiex isir xi ħaġa f’pajjiżna biex tiġi evitata traġedja.



