Lokali

FAKE NEWS: Il-Labour jibda s-sena 2026 b’gidba oħra

F’paniku li jinsab fih, il-Partit Laburista beda s-sena 2026 b’gidba oħra.

Dan hekk kif is-Super One ippubblika storja, sfortuntament mimlija tajn u gideb fil-konfront tal-istazzjon ta’ Net Television. Fir-rapport, intqal kif l-istazzjon ta’ Net Television kien ġie mistieden sabiex ixandar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta, madanakollu dan ma huwa veru xejn.

It-tmexxija ta’ dan l-istazzjon insistiet li din ma hija xejn għajr gidba oħra mill-media Laburista intiża biex tqarraq bis-semmiegħa tagħha, jumejn biss wara li għadna kif qlibna s-sena, intiża biex tiġi ddevjata l-attenzjoni għat-taqbid li jinsab fih internament il-Partit Laburista.

Kelliema għat-tmexxija ta’ Net Television insistew li l-istazzjon kien xandar dawn l-attivitajiet tal-aħħar tas-sena darba biss, lura fl-2021, meta pajjiżna kien qed iħabbat wiċċu mal-pandemija tal-COVID-19.

Dan kollu wara li kollox qiegħed jindika li l-Kamra tal-Aħbarijiet tas-Super One kienet sfurzata xxandar il-messaġġ tal-eks Chairman tal-One u eks Segretarju Ġenerali Laburista, issa Delegat Speċjali tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista Jason Micallef li l-Ġimgħa filgħodu ħass li kellu jikteb fuq Facebook li Net Television ma xandrux iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta għax kienet deċiżjoni ta’ dan l-istazzjon.

Għaldaqstant, it-tmexxija ta’ Net sfidat proprju lill-uffiċjal Laburista kif ukoll lill-kamra tal-aħbarijiet tas-Super One biex jippubblikaw il-korrispondenza uffiċjali fejn fiha skont huma Net Television kien mistieden ixandar l-attivitajiet tal-aħħar tas-sena.

Intant, filwaqt li Micallef jinsab megħdi jikteb dwar dak li mhux minnu, il-poplu għadu qed jistenna li l-ħaxix li wiegħed li se jitla f’Ta’ Qali xhur ilu jibda jisponta sabiex il-familji Maltin u Għawdxin igawdu l-ambjent li jixraqilhom.