Futbol Sport

Il-Meridianbet FA Trophy tkompli bl-istadju tal-aħħar 32 tim

It-trofew Meridianbet FA Trophy
It-trofew Meridianbet FA Trophy

Minn għada tkompli l-Meridianbet FA Trophy bl-istadju tal-aħħar 32 tim. Bejn għada, is-Sibt, u l-Ħadd se jintlagħbu 16-il partita f’diversi stadiums madwar Malta u Għawdex. Minn dan l-istadju jidħlu fl-azzjoni t-timijiet tal-Malta Premier, fosthom ir-rebbieħa tal-edizzjoni li għaddiet, Hibernians.

It-tim ta’ Branko Nisevic se jilgħab għada, is-Sibt, fis-4:30pm fl-Istadium taċ-Ċentinarju kontra Gudja United. Minkejja li l-aħħar riżultati fil-Malta Premier ma kinux konsistenti, Hibernians jibqgħu l-favoriti biex javvanzaw għall-aħħar 16 ta’ din il-kompetizzjoni prestiġjuża.

Wara għaxar partiti fil-Challenge League, Gudja United jinsabu f’nofs il-klassifika. Fl-aħħar tliet logħbiet tagħhom, il-Gudjani wrew konsistenza u determinazzjoni b’tliet rebħiet konsekuttivi kontra Vittoriosa Stars, Żurrieq u Mtarfa, mingħajr ma sofrew gowl. F’dawn il-partiti, it-tim ta’ Orosco Anonam skorja ħames darbiet, tlieta minnhom grazzi għall-winger offensiv mill-Venezwela Donnys Quintero, eks plejer ta’ Valletta, Fgura United u Marsa.

Il-partita ewlenija ta’ għada se tkun dik bejn żewġ timijiet tal-Malta Premier bejn Floriana u Marsaxlokk. Il-logħba tintlagħab fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium u se tkun it-tielet konfront bejniethom dan l-istaġun. Fiż-żewġ logħbiet preċedenti fil-kampjonat, Floriana rebħu 2-1.

Interessanti li Marsaxlokk ma rebħu qatt kontra Floriana fl-aħħar ħames konfronti diretti. Fit-30 ta’ Marzu 2024, iż-żewġ timijiet kienu ltaqgħu fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy, meta taħt it-tmexxija ta’ Mauro Camoranesi, Floriana eliminaw lil Marsaxlokk 2-0 b’żewġ gowls ta’ Willis Furtado.

Fost il-partiti l-oħra ta’ għada, iċ-champions Ħamrun Spartans jilagħbu kontra Victoria Hotspurs fis-2pm fil-Victor Tedesco Stadium. Birkirkara, rebbieħa ta’ dan it-trofew sitt darbiet, jaffrontaw lil SK Victoria Wanderers.

Valletta jilagħbu kontra Pembroke Athleta, tim mill-Amateur League 1. Sena ilu, taħt Thane Micallef, Valletta kienu fiċ-Challenge League u impressjonaw fil-FA Trophy meta waslu sal-kwarti tal-finali, fejn tilfu 3-1 kontra Birkirkara fil-ħin barrani.

Tarxien Rainbows, li bħalissa jinsabu fl-aħħar post tal-Malta Premier, jaffrontaw lil Għajnsielem, li bħalissa huma fl-ewwel post tal-Ewwel Diviżjoni f’Għawdex. Din tista’ tkun opportunità għal Tarxien biex jerġgħu jiksbu fiduċja.

Sliema Wanderers, rebbieħa diversi drabi ta’ dan it-trofew, jilagħbu kontra Swieqi United. Dawn tal-aħħar rebħu l-aħħar żewġ partiti tagħhom fiċ-Challenge League kontra Pietà Hotspurs u Sirens. Min-naħa l-oħra, Sliema Wanderers, minkejja li jinsabu fit-tielet post fit-Top Six tal-Opening Round, qed jiffaċċjaw perjodu ta’ inċertezza wara t-telfa ta’ 2-1 kontra r-rivali Floriana fl-aħħar logħba tal-2025.

Kważi seba’ snin mill-aħħar darba li lagħbu kontra xulxin, waħda mill-partiti ta’ għada mill-istadju tal-aħħar 32 tim tal-Meridianbet FA Trophy se tkun dik bejn St Andrews u Gżira United. L-aħħar darba li dawn it-timijiet affrontaw lil xulxin kien f’April tal-2019, meta l-Vjola kienu għadhom fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti u għelbu lill-Maroons 1-0, b’gowl skorjat minn Matthew Woo Ling, midfielder internazzjonali tat-Trinidad and Tobago li llum għandu 29 sena.

Nhar il-Ħadd li ġej se jintlagħbu tmien partiti oħra, li minnhom se joħorġu t-tmien timijiet li javvanzaw għall-istadju tal-aħħar 16 tal-kompetizzjoni. Interessanti l-fatt li f’dan l-istadju se naraw liċ-champions Għawdxin, Qala Saints jaffrontaw lil Mġarr United, it-tim immexxi mill-eks kowċ tagħhom, l-Għawdxi Shaun Bajada.

Fost il-partiti l-aktar mistennija ta’ nhar il-Ħadd hemm dik bejn Balzan u Birżebbuġa St Peter’s. Iż-żewġ timijiet, wara għaxar partiti fiċ-Challenge League, jinsabu fl-ewwel u t-tieni post tal-klassifika b’differenza ta’ punt wieħed biss. Birżebbuġa St Peter’s, taħt il-gwida ta’ Edgar Degabriele, għalqu s-sena 2025 fl-ewwel post u għad iridu jiltaqgħu kontra Balzan fil-Kampjonat.

Interessanti wkoll li dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu l-aħħar darba aktar minn tnax-il sena ilu, fl-istess stadju tal-istess kompetizzjoni. Dak in-nhar, fis-26 ta’ Novembru 2013, Balzan kienu rebħu 5-2 kontra Birżebbuġa St Peter’s.

Mosta, tim tal-Malta Premier, se jaffrontaw lil Mqabba, li bħalissa jinsabu fl-ewwel post tal-Amateur League 1, b’punti ndaqs ma’ Attard.

Pietà Hotspurs huma favoriti li jissuperaw dan ir-rawnd meta jiltaqgħu ma’ Mtarfa.

Żabbar St Patrick se jaffrontaw tim Għawdxi ieħor, Xewkija Tigers, li bħalissa qed jisfidaw għar-rebħ tal-Kampjonat Għawdxi.

Tim Għawdxi ieħor, Kerċem Ajax, se jkun ukoll fl-azzjoni f’dan l-istadju. Huma jittamaw li l-forma pożittiva tagħhom fl-Ewwel Diviżjoni f’Għawdex tkompli wkoll fil-Meridianbet FA Trophy, fejn se jaffrontaw lil Żurrieq miċ-Challenge League. Għal Żurrieq, taħt il-gwida ta’ José Borg, l-istaġun fil-Kampjonat ma kienx dejjem konsistenti u bħalissa jinsabu fit-12-il post tal-klassifika.

Naxxar Lions, li għadhom kemm biddlu l-kowċ, se jilagħbu kontra Marsa. Staġun ilu, Naxxar kienu waslu sal-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni qabel ma ġew eliminati minn Hibernians bl-iskor ta’ 2-0; it-tim li eventwalment rebaħ it-trofew.

Fgura United, li qed ikollhom staġun pożittiv fiċ-Challenge League u bħalissa jinsabu fit-tielet post, se jaffrontaw għal darb’oħra lil Santa Lucia, tim mill-istess diviżjoni. F’Settembru li għadda, Fgura kienu għelbu lil Santa Lucia 2-0 fil-kampjonat.