Tliet opri artistiċi minn Malta bħalissa jinsabu għall-wiri barra minn pajjiżna għall-ewwel darba fil-Gallerie d’Italia f’Napli, bħala parti mill-wirja internazzjonali Un altro seicento: L’arte delle donne nel Viceregno (In-nisa f’Napli Spanjola: seklu 17 alternattiv). L-Arċidjoċesi ta’ Malta sellfet pittura mhux daqshekk magħrufa tal-artista Maltija Maria de Dominici mill-kollezzjoni tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija f’Ħ’Attard.

Il-pittura, li ġiet restawrata mir-restawraturi Maltin ReCoop bl-għajnuna tal-Gallerie d’Italia, turi lill-Verġni Marija ma’ Santu Rokku u San Nikola ta’ Bari, li jirrappreżentaw invokazzjoni popolari ta’ qaddisin fi żminijiet ta’ pesta. Dan il-kwadru tpoġġa ħdejn żewġ opri oħra ta’ Mattia Preti li juru l-istess qaddisin tal-pesta. Dawn il-kwadri normalment jinsabu fil-Knisja ta’ Sarria fil-Furjana.
L-idea li dawn it-tliet opri jitpoġġew biswit xulxin kienet tal-Prof. Keith Sciberras sabiex joħroġ ix-xebh bejn Preti u de Dominici, li possibbilment kienet waħda mill-apprendisti tiegħu. Sciberras qal li l-wirja “tħares lejn is-seklu 17 u 18 f’Napli u l-madwar mil-lenti tan-nisa artisti, xi rwol kellhom u kif kienu jaħdmu.” Hu enfasizza li r-rwol ta’ Maria de Dominici fl-istorja tal-arti Maltija huwa importanti ħafna għax titqies bħala l-ewwel mara artista li kienet taħdem fuq xogħlijiet b’mod indipendenti f’qasam dominat mill-irġiel.
“Fil-verità m’għandniex ħafna xogħlijiet ta’ de Dominici. Għażilt li nagħtiha importanza għaliex il-bijografu tagħha Bernardo de Dominici, li kien neputiha, jitkellem ħafna fuqha u r-rwol li kellha jew seta’ kellha fil-bottega ta’ Mattia Preti.” Fil-fatt il-kwadru minn Ħ’Attard intgħażel għax juri dan id-djalogu bejn Preti u de Dominici, hekk kif l-opri huma kollha marbuta mal-pesta li ħakmet Malta fl-1676.
Il-pittura sarilha xogħol intensiv ta’ konservazzjoni biex tissaħħilha l-istruttura tagħha kif ukoll jerġgħu jinħarġu l-kuluri oriġinali tagħha. Matul ir-restawr, li fih intużat fotografija infrared, ħareġ li l-pittriċi nnifisha kienet għamlet xi tibdil fil-kompożizzjoni tax-xogħol.
Is-self tal-pitturi kien ikkordinat u mmonitorjat mid-Dipartiment tal-Kollezzjonijiet tal-Arċidjoċesi u Matthias Ebejer minn dan id-Dipartiment, akkumpanja l-opri f’Napli. Hu spjega li self f’wirjiet ta’ dan il-livell jgħinu biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-Arċidjoċesi u galleriji ta’ arti rinomati, filwaqt li jagħmlu l-patrimonju artistiku tal-Knisja f’Malta aċċessibbli għal udjenza usa’.
Ebejer żied jgħid li tara xogħol de Dominici maġenb ta’ artisti bħal Artemisia Gentileschi u Lavinia Fontana hu “unur kbir għal Malta kif ukoll pass ’il quddiem biex din l-artista tingħata rikonoxximent akbar għax-xogħol tagħha”.
Il-wirja ġiet kkurata minn Antonio Ernesto Denunzio, Giuseppe Porzio, Raffaella Morselli u Eve Straussman-Pflanzer. Tibqa’ miftuħa sat-22 ta’ Marzu 2026.
//= $special ?>

