Għawdex Lokali

“Bżonn ta’ pjan ulterjuri effettiv li jwassal għall-konnettività aħjar bejn iż-żewġ Gżejjer” – GTA

“It-turiżmu f’Għawdex fi żmien il-festi kien wieħed tajjeb bl-indikazzjonijiet qed juru li kien hemm żieda meta kkumparat mas-sena ta’ qabel iżda jeħtieġ li jkun hawn pjan ulterjuri effettiv li jindirizza ż-żieda tad-domanda għall-konnettività aħjar.”

Sostna dan ma’ Net News il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Tourism Association Joe Muscat dan hekk kif fl-aħħar jiem eluf ta’ Maltin kif ukoll turisti marru sal-Gżira Għawdxija f’dawn iż-żmien tal-festi.

Joe Muscat spjega li l-ewwel indikazzjonijiet li għandha din l-assoċjazjoni juru li fil-perjodu tal-festi l-andament turistiku f’Għawdex kien wieħed tajjeb bl-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni jgħidu li t-turisti domestiċi u t-turisti minn pajjiżi oħra kien prattikament nofs bin-nofs.

Minn naħa l-oħra 60% tal-istabbilimenti tal-catering qalu li raw żieda fid-domanda meta kkumparat mas-sena ta’ qabel u mbagħad 15% qalu li raw nuqqas.

Għaldaqstant, b’rabta mad-dewmien li bosta nies esperjenzaw biex jivjaġġaw bejn iż-żewġ Gżejjer Joe Muscat qal li hemm bżonn ta’ pjan ulterjuri effettiv li jindirizza ż-żieda fid-domanda. Iżda minn naħa l-oħra spjega wkoll li l-maltemp kompla jżid fid-dewmien dan għaliex il-vapuri kienu qed jgħaddu minn wara Kemmuna u għalhekk kull vjaġġ kien qed idum kwarta aktar.

Intant, Net News jinsab infurmat li matul il-jum tal-Ġimgħa dawk li vvjaġġaw bejn iż-żewġ Gżejjer damu jistennew ‘il fuq minn sagħtejn biex jitilgħu fuq il-vapur kemm miċ-Ċirkewwa kif ukoll mill-Port tal-Imġarr.