Lokali

Galdes joħroġ stqarrija fejn fiha ma jwieġeb xejn… anzi jikkonferma li x-xogħol qed isir issa

Wara iktar minn 24 siegħa li dan l-istazzjoni bagħat numru ta’ mistoqsijiet b’email lill-Ministru Galdes bħala l-Ministru tal-Housing, dan ħareġ iwieġeb bi stqarrija li propju ma twieġeb l-ebda mistoqsija li għamel dan l-istazzjoni anzi tikkonferma kemm veru ma kien qed isir xejn matul dawn l-aħħar erba’ snin.

Il-Ġimgħa filgħodu dan l-istazzjon, bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Roderick Galdes, fost l-oħrajn dan l-istazzjon staqsa lill-Ministru jekk jistax jikkonferma li din il-binja hija fil-fatt tal-Housing. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni minn naħa ta’ Galdes Net News mar fuq il-post fejn sab ukoll il-permess tal-Planning Authority… permess li nħareġ f’isem Social Projects Management LTD, kumpanija li tagħmel proġetti ta’ restawr u rinovar fuq binjiet tal-Gvern. B’dan il-permess ikun datat fl-2023.

Fl-istqarrija Galdes qal li sakemm din il-bnja tiġi rinovata ttieħdu miżuri tekniċi biex jiġi evitat aktar deterjorament, liema miżuri huwa evidenti li ma ħadmux.

Net News staqsa lill-Ministru Galdes għalfejn tpoġġa biss scaffolding. Din il-mistoqsija kienet saret ukoll mis-Sindku tal-Birgu John Boxall li fl-2024 kien staqsa lill-Ministru jekk l-iscaffolding sarx biex meta jaqa’ l-ġebel ma jiġix f’nofs ta’ triq. Iżda fl-istqarrija l-Ministru baqa’ jinsisti li dan kien bżżonjuż.

Il-Ministru Galdes stess lura fl-2019 kien għamel konferenza stampa jgħid li din il-binja se tkun restawrata però kollox waqa’ fuq fommu. Kien għalhekk li Net News staqsa lill-Ministru għalfejn din il-binja ma ġietx restawrata, bl-istqarrija tikkonferma li din il-binja ilha snin twal mhux abbitabli u f’kundizzjoni ta’ deterjorazzjoni.

Mhux hekk biss, il-Ministru Galdes b’mod inkreddibli qal li issa qed tiġi indirizzatta b’mod konkret, dan meta ilbieraħ il-Ġimgħa Net News esklussivament ippublika sensiela ta’ emails li s-Sindku John Boxall kien bagħat lill-Ministru Roderick Galdes fl-2023, fl-2024, u fl-2025. Dawn l-emails kienu mibgħuta wkoll lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.