Lokali

Il-PN irodd ħajr lil dawk kollha li lbieraħ ħadmu biex jikkontrollaw sitwazzjoni kaotika fil-Port tal-Imġarr

Minflok jinsulta l-intelliġenza tan-nies u jwaħħal fil-maltemp, aħjar il-Ministru għal Għawdex jirrispondi għall-inkompetenza tiegħu li wasslet għal dak li seħħ ilbieraħ

Il-Ministru għal Għawdex ipprova jaħbi l-fatt li lbieraħ, sforz l-inkompetenza tiegħu, ħafna mill-vapuri tal-Gozo Channel kienu qegħdin jgħabbu kważi nofs l-ammont ta’ passiġġieri li huma kapaċi jgħabbu. Dan kien riżultat ċar ta’ mismanagement, għaliex ma ġewx allokati biżżejjed ħaddiema fix-shifts. Riżultat ta’ dan, il-passiġġieri tħallew l-art u l-vapuri kienu qed joperaw b’nofs il-kapaċità tagħhom.

B’Ministru inkompetenti, il-ħaddiema tal-Gozo Channel, il-Pulizija u Transport Malta spiċċaw jippruvaw ilaħħqu mal-kaos li nħoloq sforz il-mismanagement li ġab il-Ministru fil-kumpanija Gozo Channel.

Il-Partit Nazzjonalista jrid irodd ħajr lill-ħaddiema tal-Gozo Channel, lill-membri tal-Korp tal-Pulizija u lill-uffiċjali ta’ Transport Malta għas-servizz li pprovdew fil-portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa tul il-jiem tal-festi, imma b’mod partikolari lbieraħ, meta dawn in-nies għamlu minn kollox biex jippruvaw jikkontrollaw sitwazzjoni ta’ kaos, li wasslet biex kien hemm min dam saħansitra aktar minn tliet sigħat jistenna biex jirkeb il-vapur biex jaqsam lura minn Għawdex lejn Malta.

Fl-istess ħin, madankollu, il-PN ma jistax ma jikkummentax dwar in-nuqqas ta’ ppjanar li wassal għal dawn iċ-ċirkostanzi u jesprimi wkoll solidarjetà mal-eluf ta’ nies li spiċċaw imwaħħlin għal sigħat twal fit-traffiku, kif ukoll ma’ ħafna oħrajn – Maltin u turisti – li spiċċaw jistennew fil-kesħa fi kjuwijiet twal u għal ħin twil biex jitilgħu fuq il-vapur bil-mixi. Ma’ dawn, naturalment, ma rridux ninsew ukoll lil ħafna Għawdxin li kienu qed jistennew biex jaqsmu lejn Malta għal raġunijiet ta’ xogħol.

Inutli jiġi l-Ministru għal Għawdex jipprova jiġġustifika dak li ġara billi jwaħħal fil-maltemp, bħallikieku din kienet l-ewwel darba li r-riħ qawwi wassal biex kellu jiġi sospiż is-servizz tal-Fast Ferry jew inkella biex il-vapuri tal-Gozo Channel ikunu kostretti jgħaddu minn wara Kemmuna.

Sforz l-inkompetenza tal-Ministru u l-mismanagement li ħoloq fit-tmexxija tal-Gozo Channel, il-vapuri ma kinux qed jgħabbu l-massimu ta’ passiġġieri, għaliex ma ġewx allokati biżżejjed baħrin kif isir is-soltu.

Imma Clint Camilleri, iffaċċjat bis-sitwazzjoni kaotika tal-bieraħ, ma ddejjaq xejn jinsulta l-intelliġenza tan-nies u, quddiem il-falliment fin-nuqqas ta’ ppjanar u mmaniġġjar tas-servizzi tal-Gozo Channel, juża l-iskuża tal-maltemp u joħroġ jiddikjara fuq il-mezzi soċjali li ġara dak li ġara għax eluf ta’ nies kienu qed jaqsmu lura lejn Malta f’daqqa u għax “inġemgħu n-nies mhux ħażin” minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.

Li ma qalilniex huwa li l-vapuri tal-Gozo Channel ma kinux qegħdin jgħabbu l-kapaċità massima tal-passiġġieri minħabba mismanagement kbir fil-Gozo Channel.

L-aqwa li serrħilna rasna li kien qed jissorvelja s-sitwazzjoni kif kienet qed tiżviluppa u li kien f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet!

Waqt li jfakkar li s-servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex jibqa’ jiddependi fuq il-vapuri li bena Gvern Nazzjonalista grazzi għall-viżjoni li kellu għal Għawdex u għall-Għawdxin, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-wegħda tiegħu li, hekk kif ikun elett fil-gvern, jinvesti fi flotta ġdida u moderna ta’ vapuri għall-Gozo Channel, inkluż ir-raba’ vapur diċenti – xi ħaġa li l-Gvern Laburista qatt ma għamel, għax ipprefera jibqa’ jonfoq eluf ta’ ewro kuljum fuq l-MV Nikolaos biex jikri vapur tat-tieni klassi.

Dan intqall fi stqarrija minn Chris Said ix-Shadow Minister għal Għawdex.