Internazzjonali

L-azzjoni kontra l-Veneżwela: Pajjiżi Latini jesprimu xokk u kundanna fost l-istat ta’ allert

Kienu prevedibbli r-reazzjonijiet għall-attakk fuq il-Veneżwela – bil-Ministeru tal-Intern Veneżolan iħeġġeġ biex iċ-ċittadini jibqgħu kalmi u jafdaw lit-tmexxija tal-Gvern u lill-kapijiet militari tagħhom f’din is-siegħa ta’ prova.

Sadanittant, il-Kolombja qed tistazzjona lit-truppi mal-fruntiera komuni mal-Veneżwela fost l-istennija għal laqgħa urġenti għall-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

Min-naħa tagħhom, il-President taċ-Ċile, Gabriel Boric u l-President ta’ Kuba, Miguel Diaz-Canel ukoll esprimew it-tħassib kbir tagħhom – b’Diaz-Carmel iħeġġeġ lill-komunità internzzjonali biex tirreaġġixxi bl-aktar mod iebes għall-attakk fuq il-Veneżwela li fissirha bħala ‘azzjoni kriminali’.

Fl-istess ħin, l-Istati tar-reġjun qed jimmobilizzaw il-qawwiet tagħhom huma u janalizzaw il-konsegwenzi tal-attakk fuq il-Veneżwela u skont il-kriterji rispettivi għall-ħarsien tas-sigurtà.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer – li pajjiżu hu fost l-akbar alleati tal-Istati Uniti—għamilha ċara li r-Renju Unit ‘bl-ebda mod’ ma kien involut fl-attakk fuq il-Veneżwela.

Dan waqt li r-Russja esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha dwar l-azzjoni tal-Amerikani fuq pajjiż Latin li għandu rabtiet tajbin ma’ Moska.