Ir-reġjun tal-Amerika Latina jinsab maħkum mit-tensjoni u l-inċertezza wara li l-Istati Uniti wettqet attakk militari ‘totali’ fuq il-Veneżwela…Attakk li rriżulta wkoll fil-ħtif tal-President xellugi Nicolas Maduro u l-mara tiegħu.
L-awtoritajiet Amerikani sostnew li Maduro qed ikun akkużat dwar kumplott għal ‘narko-terroriżmu’ li jinvolvi movimenti tad-droga lejn l-Istati Uniti u kumplott għall-pussess ta’ armamenti bil-ħsieb li jintużaw kontra l-Istati Uniti… Akkużi li, ftit tal-ħin ilu, tressqu uffiċjalment f’Qorti ta’ New York u meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, indika li mhumiex se jsiru aktar azzjonijiiet militari kontra l-Veneżwela.
Madankollu, l-aħħar żviluppi xokkanti fil-konfront tal-Veneżwela wasslu għal stat ta’ allert kollettiv mill-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina li qed isegwu s-sitwazzjoni bl-akbar attenzjoni u sens ta’ biża’.
Dan waqt li l-Veneżwela ddikjarat stat ta’ emerġenza nazzjonali, fost il-kundanna għall-‘aggressjoni militari mill-aktar serja xprunata minn Washington’.
L-attakk, fil-fatt, segwa ġimgħat ta’ tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Veneżwela….Tensjoni li rrankat waqt li l-qawwiet Amerikani kienu qed jeqirdu kontinwament lid-dgħajjes suspettati bħala ‘drug ships’ fil-Karibew u zoni marittimi oħrajn.
Fl-istess ħin – u wara li Nicolas Maduro ilu s-snin imexxi pajjiżi bil-ponn tal-ħadid – din is-sitwazzjoni kapaċi toffri opportunità rari lill-Oppożizzjoni f’Karakas…Opportunità li l-elementi lokali ta’ kontra Maduro ilhom jistennew is-snin.
L-Oppożizzjoni, xhur ilu, kienet immobilizzat lin-nies fit-toroq wara li l-Kunsill Elettorali Nazjonali, is-sena l-oħra, ikkonferma rebħa elettorali għal Maduro mingħajr ma ressaq statistika konkreta u fost l-għajjat ta’ frodi u manipulazzjoni.
Eku tal-invażjoni tal-Panama
L-intervent militari ‘dirett’ tal-Istati Uniti hu l-akbar fl-Amerika Latina mindu l-qawwiet Amerikani invadew il-Panama fl-1989 biex iwaqqgħu lil Manuel Noriega; il-Mexxej militari ta’ dak iż-żmien.
Fl-istess ħin, il-ħtif u arrest effettiv ta’ Maduro qed jitqiesu bħala rebħa kbira mis-sostenituri ultra-konservattivi tal-President Donald Trump fl-Amministrazzjoni Amerikana… Deputati li ilhom jinsistu għall-bidla fir-reġim li qed imexxi lill-Veneżwela.
Dan waqt li Maduro qed jiċħad kategorikament għall-akkużi ta’ Washington fis-sens li hu qed imexxi organizzazzjoni għat-traffikar tad-droga fuq livell internazzjonali.
Iżda l-Istati Uniti assolutament ma tirrikonoxxix lil Maduro bħala l-Mexxej leġittimu tal-Veneżwela hi u takkużah dwar tbagħbis ‘istituzzjonalizzat’ fil-proċessi elettorali ta’ pajjiżu.
Il-Veneżwela, intant, akkużat lill-Istati Uniti dwar attentat ‘ċar u sfaċċat’ biex tisirqilha r-riservi taż-żejt – u meta magħruf li dan il-pajjiż għandu l-akbar riservi taż-żejt fid-dinja, flimkien ma’ kwantità ta’ rare earth minerals.
Fl-istess ħin, id-domanda fuq fomm kulħadd tirrigwarda l-futur tal-Veneżwela f’sitwazzjoni fejn jikkrolla r-reġim attwali….Reġim li qed jindika li lest jiġġieled sal-aħħar biex jibqa’ iżomm il-futur.
Numru ta’ uffiċjali f’Washington qed jgħidu li l-azzjoni militari kontra l-Veneżwela għandha twitti t-triq biex Maria Corina Machado, il-Kap tal-Oppożizzjoni f’dak il-pajjiż u rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi, tieħu f’idejha t-tmun tal-pajjiż.
Kandidat reali ieħor għall-Presidenza tal-Veneżwela huwa Edmundo Gonzales — madankollu, it-trasferiment tal-poter għal amministrazzjoni ġdida demokratika għandu jħabbat wiċċu żgur ma numru ta’ intoppi.
Fil-fatt, il-militar u l-paramilitari fil-Veneżwela għadhom anki issa leali għal Nicolas Maduro… Dan meta anki l-kritiċi ta’ Maduro qegħdin jinkwetaw li l-intervent dirett tal-Amerikani għandu jwassal għal livell akbar ta’ destabilizzazzjoni fl-Istat Latin partikulari.
U s-sitwazzjoni se tibqa’ inċerta peress li hemm ukoll l-alleati kbar ta’ Maduro li qed jinkwetaw ħafna dwar il-futur tagħhom – speċjalment bl-aħbar li l-President tagħhom illum jinsab priġunier ta’ Donald Trump.
//= $special ?>

