Il-Union Maltija tal-Qwiebel u n-Nurses qed tiddikjara tilwima industrijali dwar is-sitwazzjoni serja li jinsab fiha l-Isptar Mater Dei b’numru ta’ sfidi mhux qed jiġu ndirizzati mit-tmexxija ta’ dan l-isptar.
Dan ġie kkonfermat minn sorsi qrib ta’ dan l-istazzjon dan hekk kif l-isfidi li mhux qed jiġu ndirizzati jinkludu in-nuqqas ta’ infermiera u qwiebel fil-wards u l-istat diżastruż li jinsab fih is-sistema tal-payroll għall-infermiera.
L-MUMN spjegat li matul ix-xhur kien hemm numru ta’ diskussjonijiet mal-amministrazzjoni tal-isptar inkluż mal-Kap Eżekuttiv iżda l-ilmenti tal-Union li qed isiru għall-ġid tal-membri bil-għan li jkollhom kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar waqgħu fuq widnejn torox. Dan għaliex is-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-isptar kompliet tiddeterjora.
Intqal ukoll li huwa inaċċettabbli li matul il-laqgħat li saru t-tmexxija qed tiftaħar li kien hemm żieda ta’ 30% fl-output tal-isptar iżda fl-istess waqt is-servizzi tal-infermiera qed jimxu fuq direttiva tal-MUMN – dik li hemm erba’ infermiera għal 26 pazjent minflok is-sitt infermiera li hemm bżonn.
U allura, dan ifisser li l-wards qed jaħdmu b’nuqqas ta’ infermiera jum wara l-ieħor bl-infermiera qed jispiċċaw ibatu l-konsegwenzi ta’ dan.
Apparti minn hekk, l-Assoċjazzjoni mhux se tittollera aktar l-iskużi li qed isiru mill-Amministrazzjoni, propju li ma jistgħux jiddaħlu impjegati addizzjonali fl-iswali għaliex il-kuntratti huma skaduti. Hawnhekk, l-MUMN saħqet li wasal iż-żmien li l-amministrazzjoni tieħu azzjoni fil-konfront ta’ din is-sitwazzjoni.
Għaldaqstant, l-MUMN saħqet li jekk fil-laqgħa li jmiss ma jiġux ippreżentati soluzzjonijiet konkreti għal dawn il-problemi serji, l-Assoċjazzjoni m’għandiex għażla oħra ħlief li tieħu l-azzjonijiet neċessarji għall-ġid tal-infermiera u l-qwiebel li jiddedikaw tant ħin għall-pazjenti tagħhom.
Intant, din hija t-tieni tilwima industrijali f’temp ta’ xahar dan hekk kif f’Diċembru li għadda l-MUMN iddikjarat tilwima industrijali dwar is-sitwazzjoni fil-Ward Wonderland fl-Isptar Mater Dei minħabba tħassib persistenti dwar il-prattika sigura għat-tfal li qed jiġu kkurati hemmhekk.
//= $special ?>
