Sport

Matthew Guillaumier jinħeles mil-kuntratt tiegħu minn ma’ Panserraikos

Il-captain tat-tim nazzjonali Malti Matthew Guillaumier huwa plejer ħieles u m’għadux marbut b’kuntratt mal-klabb tiegħu. F’storja esklussiva, żvelata minn Replay illum wara nofs in-nhar, sar magħruf li l-midfielder difensiv ta’ 27 sena ħalla lill-klabb Grieg tas-Super League, Panserraikos, wara li ż-żewġ naħat waslu għal ftehim biex itemmu l-kuntratt ta’ bejnithom.

Guillaumier ingħaqad ma’ Panserraikos fis-sajf li għadda wara li qatta’ żewġ staġuni fil-kampjonat ewlieni tal-Polonja ma’ Stal Mielec. It-trasferiment lejn il-Greċja kien maħsub biex Guillaumier ikompli jikber fl-esperjenza tiegħu fuq livell internazzjonali, iżda minn meta ngħaqad mal-klabb, il-Guli għamel żmien barra mil-logħob minħabba injuries, b’konsegwenza li kien hemm drabi fejn ma kienx regolari fl-għażliet tal-kowċ Gerard Zaragoza.

Skont dak li rraporta Replay, Guillaumier se jirritorna Malta mill-Greċja nhar it-Tnejn li ġej, hekk kif qed jikkonsidra l-pass li jmiss, li jista’ jinkludi ritorn fil-futbol Malti għat-tieni parti tal-istaġun.

Il-midfielder bħalissa qed jikkunsidra diversi għażliet, b’interess kemm minn klabbs Ewropej kif ukoll minn klabbs ewlenin Maltin. Fosthom hemm Ħamrun Spartans, iċ-champions Maltin għal dawn l-aħħar tliet staġuni, li jingħad li huma interessati jerġgħu jiffirmawh jekk jiddeċiedi li jerġa’ jilgħab fil-Malta Premier.

Hu mifhum li għal Guillaumier diġa’ hemm interess minn klabbs oħra tal-Malta Premier.

Għalkemm għadu kmieni biex jiġi deċiż il-futur tiegħu, ħaġa waħda hija ċerta — bil‑esperjenza tiegħu u l-fatt li jinsab disponibbli b’trasferiment ħieles, l-eks plejer ta’ St Andrews, Birkirkara u Ħamrun Spartans x’aktarx jiġbed interess qawwi minn diversi klabbs, kemm f’Malta kif ukoll oħrajn mill-kampjonati ewlenin fl-Ewropa.