Darren D’Amato ta’ 41 sena residenti ż-Żurrieq u Graziella Francalanza ta’ 45 sena residenti Tas-Sliema nżammu taħt arrest wara li ġew mixlija li serqu anzjana ta’ 80 sena kif ukoll li saqu vettura bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni.
Dan apparti li l-akkużat ġie mixli wkoll li kiser ordni ta’ probation filwaqt li l-mara ġiet mixlija li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ żewġ każijiet oħra.
Fil-Qorti t-tnejn li huma wieġbu mhux ħatja li serqu l-basket ta’ anzjana, il-mobile u €30 flus kontanti.
Waqt is-seduta, il-prosekuzzjoni spjegat li s-serqa seħħet fit-28 ta’ Diċembru li għadda dan wara li l-anzjana għamlet rapport li raġel ħatfilha l-basket u telaq jiġri. Intqal ukoll li rat lill-akkużat nieżel u riekeb minn karozza u f’din il-karozza kien hemm persuna tistennieh li kienet l-akkużata.
Ġie spjegat ukoll li l-Pulizija nnutat li madwar kwarta qabel ma seħħet is-serqa, l-akkużata marret tiffirma fl-għassa ta’ Tas-Sliema propju ftit metri ‘il bogħod minn fejn seħħet is-serqa.
Għaldaqstant, id-difiża nfurmat lill-Maġistrat Kevan Azzopardi li f’dan l-istadju mhux se jkunu qed jitolbu għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk il-koppja nżammet taħt arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Keith Rizzo u Ian Azzopardi kif ukoll minn Manuel Grech għall-Avukat Ġenerali. Għall-akkużati dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.
//= $special ?>

