Joe M. Zahra
Meta wieħed jara pereżempju ċ-ċifra ta’ €2,259 miljun għall-Protezzjoni Soċjali jaħseb li aħna l-iktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li nonfqu fuq protezzjoni soċjali. Iżda mhux hekk! Ċifri pubblikati f’Novembru juru li pajjiżna hu t-tieni fost l-aħħar li jonfoq għal dan il-għan fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Agħar minna kien hemm biss l-Irlanda. Jekk nieħdu l-medja tan-nefqa f’benefiċċji għall-protezzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea dik tas-sena l-oħra laħqet 27.3 fil-mija. Tagħna kienet 13.4 fil-mija, jew inqas min-nofs. Min-naħa l-oħra għandek il-Finlandja li fl-2024 iddedikat 32.4 fil-mija tal-infiq tagħha għall-protezzjoni soċjali.
In-nefqa fuq is-saħħa
L-inqas żieda perċentwali fin-nefqa bejn l-2020 u l-2024 kienet fuq is-saħħa fejn kien hemm żieda ta’ biss 22 fil-mija. Issa kulħadd jaf li jekk hemm settur li jeħtieġ iktar investiment hu dak tas-saħħa.
Wara l-biċċa negozju li l-Gvern Laburista għamel l-ewwel ma’ Vitals u wara ma’ Steward, negozju li l-Qrati Maltin kienu ddikjarawh bħala frawdolenti, il-Gvern Malti resaq quddiem Abitraġġ Internazzjonali fejn talab €480 miljun mingħand Steward. Mhux talli pajjiżna ma ħa xejn iżda spiċċa nefaq €10 miljun f’konsulenzi legali u jrid jagħti €4.8 miljun lil Steward. Bil-Prim Ministru Robert Abela jkanta vittorja!
Dan is-settur għandu bżonn mijiet ta’ miljuni biex jiġi fuq saqajh. Neħtieġu sptar ieħor ġdid f’Malta u ieħor f’Għawdex. Pajjiżna għandu bżonn daqs il-ħobż dipartiment ta’ emerġenza ġdid għaliex li hemm ċkien ħafna għall-popolazzjoni li żdiedet b’160,000 fi ftit snin. Sejħa għal offerti għal dan id-dipartiment ta’ emerġenza ġiet irtirata u issa ħadd ma jaf meta din se terġa’ toħroġ. Sadanittant in-nies, l-iktar l-anzjani, jagħmlu sigħat jistennew sakemm jarawhom. U iktar sigħat jistennew jekk ikollhom bżonn sodda fl-isptar.
Il-pajjiż jeħtieġ ukoll sptar mentali ġdid għaliex dak li għandna quddiemna m’għadux f’qagħda li jagħti s-servizzi mitluba minnu.
L-ambjent u l-housing
Għall-housing is-sena l-oħra l-Gvern nefaq €149 miljun – €17-il miljun inqas mis-sena 2023. Nafu kemm hemm familji jistennew housing soċjali. Nafu wkoll li blokki ta’ bini li kienu qed jinbnew mill-kumpanija Malita waqfu għaliex il-kumpanija m’għandhiex biex tħallas lill-kuntratturi li għandhom jieħdu l-miljuni.
Dwar il-qagħda tal-Malita, li 82 fil-mija minnha hi tal-Gvern, smajna ħafna. Smajna dwarha u smajna dwar il-ministru responsabbli minnha, Roderick Galdes. Filwaqt li dan għandu diversi propretajiet f’Malta u barra minn Malta għandna ħafna li m’għandhomx lanqas saqaf fuq rashom!
L-ambjent hu settur ieħor li ma tantx qed isir investiment fih. Kuljum nisimgħu b’xi proġett ġdid. Ilna sejrin hekk 13-il sena. Iżda biss wegħdi u xejn iktar. Kellna wiegħdi ta’ zoni pedonali fi Triq Sant’Anna fil-Furjana bit-triq tgħaddi minn taħt it-triq preżenti; zona pedonali fit-triq quddiem il-Knisja ta’ San Ġwann; kellha tissaqqaf it-triq barra il-mini ta’ Santa Venera fi Triq Reġjonali biex tgħaqqad iż-żewġ partijiet tal-lokalità u biex jinħoloq spazju miftuħ; isemmew parks nazzjonali fil-White Rocks; f’Manoel Island u fl-inħawi ta’ Fort Campbell. Dwar dawn it-tlieta tal-aħħar paġni sħaħ ta’ avviżi fil-ġurnali jsejħu għal konsutazzjoni miftuħa. Biex mbagħad wara li jintefqu min jaf kemm fuq konsultazzjoni u propaganda ma jsir xejn. Għaliex għal dawn il-proġetti l-anqas flus ivvutati mhemm!
Proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv
Sadanittant il-poplu jkompli jibla’ gassijiet tossiċi li joħorġu mill-vetturi. Ikompli jara l-bankini meħuda minn imwejjed u siġġijiet. Kif inhuma meħuda minn imwejjed u siġġijiet il-promenades ta’ pajjiżna. Il-Gvern iwiegħed u ma jsir xejn.
Iddur, iddur minkejja l-biljuni li l-Gvern idaħħal mit-taxxi m’hemmx flus biżżejjed għal ħafna xogħol u nfiq li meħtieġ li jsir. Biex tkompli tagħqad il-Kummissjoni Ewropea qed twissi lil pajjiżna biex is-sena d-dieħla jnaqqas min-nefqa jekk ma jridx jirriskja li ma jkunx konformi mar-rakkomandazzjonijiet biex joħroġ mill-proċedura tad-defiċit eċċessiv. Li ninsabu fih!
L-infiq bl-addoċċ, l-infiq iktar minn dak li jidħol, id-dejn eċċessiv; dawn il-fatturi kollha qed ikollhom effett negattiv fuq id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern. Effett negattiv li fl-aħħar mill-aħħar irid iħallas għalih il-poplu.


Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tas-Sibt 3 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

