Raġel ta’ 76 sena residenti Ħal Qormi tilef ħajtu u ibnu ta’ 41 sena sofra ġrieħi gravi wara li waqa ħajt diviżorju ta’ garaxx privat.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinha fi Triq ta’ Farzina.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li ż-żewġt irġiel – missier u iben – kienu qed jagħmlu
xogħol fil-proprjetà tagħhom meta sfronda parti minn ħajt li jagħti għal garaxx u ġie fuqhom.
Fuq il-post marru l-pulizija, flimkien mal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif
ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Waqt li r-raġel ta’ 41 sena nħareġ u ttieħed l-isptar fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi
gravi, sfortunatament l-anzjan tilef ħajtu fuq il-post kawża tal-ġebel li waqgħu fuqu.
Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia qed imexxi inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

