Internazzjonali

“Ser immexxu aħna lill-Veneżwela” – Donald Trump jisħaq li ser jieħdu l-kontroll sat-tranżizzjoni

Filwaqt li d-dinja qed tistenna l-impatt sħiħ tal-invażjoni tal-Veneżwela mill-qawwiet tal-Istati Uniti, il-President Amerikan Donald Trump, waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Florida, enfasizza li l-Istati Uniti ‘se tkun qed tmexxi, għalissa, lill-Veneżwela’ – u mingħajr ma spjega kif din tista’ issir.

Hemm anki indikazzjonijiet li l-President Amerikan qed jaħseb f’kif l-Istati Uniti tista’ taħtaf ir-riservi taż-żejt kbar li hemm fil-Veneżwela  — u meta l-prospett ta’ gwerra ċivili f’dan il-pajjiż qiegħed jirranka bis-sigħat.

Sadanittant, Trump qal li l-Istati Uniti se tkun qed tikkontrolla lill-Veneżwela sakemm jista’ isir proċess xieraq u sikur ta’ tranżizzjoni (ta’ poter) f’dak il-pajjiż…U b’referenza xotta għall-President Veneżolan Nicolas Maduro — li nqabad priġunier waqt ir-rejd tal-Amerikani — Trump qal li dan il-Mexxej mhuwa xejn għajr ‘Baruni tad-Droga’.

Il-President Amerikan faħħar l-impenn u effiċjenza tal-qawwiet tiegħu waqt l-azzjoni fil-Veneżwela u fisser l-attakk bħala dimostrazzjoni ċara tal-qawwa u kompetenza militari tal-Istati Uniti.

Donald Trump kompla jiftaħar li l-ebda pajjiż fid-dinja ma kien se jirnexxilu jattwa tragward militari daqstant sinifikanti u f’daqshekk qasir żmien filwaqt li fisser li s-special operations forces tiegħu – bl-appoġġ tas-servizzi sigrieti Amerikani – irnexxielhom jannullaw il-kapaċitajiet militari tal-Veneżolani fost il-ħtif ta’ Maduro u martu.