Għawdex Lokali

Tliet sigħat jistennew il-vapur ta’ Għawdex – Vapuri ma jaħdmux bill-kapaċità massima tagħhom

Il-kriżi tat-traffiku qed tippersisti, u marret għal agħar dawn l-aħhar jiem fejn il-bidu tas-sena kienet immarkata minn iktar diffikultaiet għal min irid jaqsam bejn Malta u Għawdex.

F’kummenti taħt il-post tal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri li prova mill-ġdid jgħaddi nies minn għajn il-labra, diversi persuni spjegaw li kellhom jagħmlu ‘il fuq minn 3 sigħat jistennew fit-raffiku kemm biex jitilgħu Għawdex kif ukoll biex jinżlu lura lejn Malta. B’dan iħalli impatt negattiv l-iktar fuq dawk li jkollhom jivvjaġġaw minħabba x-xogħol, kif ukoll fuq id-diversi passiġieri li kienu qed jivjaġġaw mingħajr l-użu tal-karozza u kellhom iqattgħu diversi sigħat fil-kesħa.

B’oħrajn jistaqsu lill-Ministru għalfejn għadu ma sarx investiment f’vapur ġdid u minflok għadna b’vaur mikri li jieqaf jaħdem malli jilħaq is-sigħat tal-ġurnata.

U minkejja li l-Ministru prova jgħid li d-dewmien huwa kollu kaġun taż-żieda fit-turisti u l-maltemp, il-verità kienet li l-vapuri ma bdewx ilaħqu. Net News jinsab infurmat li vapuri li kapaċi jġorru 900 persuna tħaddmu b’limitu ta’ 500 passiġġier għaliex kellhom inqas ħaddiema ingaġġati. Dan apparti li l-vapuri bdew jaħdmu mill-moll sekondarju taċ-Ċirkewwa, bil-vapur Nikolaos jaħdem sal-22:00 u bil-vjaġġi jsiru inqas frekwenti minħabba li kienu qed jgħaddu minn wara Kemmuna. Il-Vapur Gaudos waqaf jaħdem fid-21:00. Dan appart li s-servizz tal-Fast Ferry waqaf jaħdem fis-17:45.

Fl-aħħar ħinijiet il-Gozo Channel, ħabbar li minħabba l-maltemp, il-vapuri qed jaħdmu permezz tar-rotta ta’ Kemmuna u għaldaqstant huwa mistenni dewmien fit-traġitti.

Intant, il-Partit Nazzjonalista ilu snin jgħid li hemm bżonn ta’ faċilitajiet ġodda u investiment fil-port tal-Imġarr.