Il-komunità ta’ Ħal Qormi tinsab maħsuda bit-traġedja li seħħet is-Sibt – traġedja li fiha miet Elia Muscat, missier ta’ 76 sena.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5.30pm fi proprjetà privata, fiz-zona magħrufa bħala Ta’ Farżina.
Il-missier u ibnu Matthew kienu qed jagħmlu xi xogħol, meta għal xi raġuni sfronda parti minn ħajt li jagħti għal garaxx; bir-riżultat li ġie fuqhom. Immedjatament marru fiz-zona kemm il-Pulizija, u anke membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Elia Muscat sfortunatament miet fil-post. Dan filwaqt li t-tifel tiegħu, li għandu 41 sena, sofra feriti gravi. Hu għadu taħt osservazzjoni fl-isptar, fejn qed jingħata assistenza medika għall-ġrieħi li sofra u x-xokk wara dan il-każ traġiku.
Intant, l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) qed jinvestigaw dan l-inċident. Fi stqarrija, huma qalu li ma kien hemm ebda xogħol approvat jew li ngħata clearance la mill-BCA u lanqas mill-OHSA.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.
//= $special ?>
