Il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, taħt il-presidenza tal-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, illiberat lil Jean Leon Cassar, ta’ 24 sena min-Naxxar bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn wara li ammetta li hedded u għamel użu mhux xieraq minn mezz ta’ komunikazzjoni elettronika kif ukoll li għamel theddid jew ingurji lejn l-eks sieħba tiegħu.
Ir-reati seħħu nhar il-27 ta’ Diċembru 2025 bejn is-6.00pm u t-8.00pm, meta Cassar allegatament uża netwerk jew apparat elettroniku biex jagħmel theddid ta’ natura kriminali u biex jagħmel pressjoni jew jikseb xi benefiċċju, kif ukoll li għamel ingurji jew theddid skont il-Kodiċi Kriminali. Il-Pulizija kienet irrappreżentata mis-Surġent Sherona Buhagiar u fil-konfront tiegħu saret ukoll talba għal Ordni ta’ Protezzjoni favur il-vittma.
Fil-Qorti, l-imputat ammetta l-akkużi kollha mressqa kontrih u saħansitra kkonferma l-ammissjoni tiegħu anke wara twissija solenni mill-Qorti dwar il-konsegwenzi u wara li kellu l-opportunità jikkonsulta mal-avukat tiegħu. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qieset il-fedina penali kważi nadifa tal-imputat kif ukoll l-ammissjoni bikrija tiegħu li evitata li jinġabru u jinstemgħu aktar provi.
B’riżultat ta’ dan, il-Qorti sabitu ħati u, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-Kapitolu 446, illiberatu bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sentejn minn issa, inkella jsofri piena li tista’ tkun waħda karċerarja.
Barra minn hekk, il-Qorti imponiet ordni ta’ trażżin skont l-Artikolu 382A tal-Kodiċi Kriminali biex tipproteġi lill-vittma, bil-għan li tiġi salvagwardjata s-sigurtà tagħha u tinżamm il-bon ordni pubblika.
//= $special ?>

