Il-jiem tal-festi, li normalment iġibu magħhom sens ta’ paċi u mistrieħ, din is-sena nħassu u qed jinħassu tqal u mimlija tensjoni għall-Uffiċjali Korrettivi fil-Ħabs ta’ Kordin.
Dan joħroġ minn taħditiet ma’ diversi Uffiċjali, li tkellmu magħna b’kundizzjoni ta’ anonimità minħabba biża’ ta’ riperkussjonijiet.
Skont l-Uffiċjali, l-atmosfera fil-Ħabs bħalissa hija waħda ta’ inċertezza kbira, primarjament minħabba nuqqas ta’ ċarezza dwar il-futur tal-Kap Eżekuttiv.
“Ma nafux jekk hux se jibqa’ jew jitlaq, u din l-inċertezza qed tiekol fina kuljum,” qal Uffiċjal b’esperjenza twila fis-servizz.
Fl-istess waqt, qed tinħass b’mod ċar tellieqa interna bejn il-Kap Eżekuttiv u l-Kap tal-Operat, li qed tkompli tħalli klima ta’ taqlib u nuqqas ta’ direzzjoni. Ovvjament dawn bi nies tagħhom jaħdmu għalihom, għalkhemm il-Ministeru jridu iżjed lill-Kap tal-Operat minflok.
Messaġġ informali
Sorsi qrib l-Amministrazzjoni indikaw ukoll li qed jintbagħat messaġġ informali, imma b’saħħtu li, fil-bidu ta’ din is-sena ġdida, mistennija jsiru trasferimenti interni fuq skala kbira. Dawn it-trasferimenti, skont l-istess sorsi, jistgħu jinkludu wkoll Spetturi, bil-ġustifikazzjoni li “mhux qed jippromwovu jew ma jaqdux l-aspettattivi tal-Amminstrazzjoni”.
Dan qed jixħet aktar fjuwil fuq in-nar ta’ tensjoni li diġà teżisti. Bħalissa t-Tmexxija hija ffukata fuq li ddaħal nies pajżana fit-Tmexxija u tħalli barra lill-membri tas-servizz korrettiv. Biex ma nsemmux li l-promzzjonijiet ilhom wieqfa, għalkemm hemm għadd ta’ vakanzi battala.
Kwistjoni oħra li tqajjem rabja kbira fost l-Uffiċjali hija dik li huma jiddeskrivu bħala “affinità żejda” tal-Amministrazzjoni ma’ ċerti priġunieri.
Skont l-Uffiċjali, dan qed iwassal biex huma jiġu mfixkla milli jaħdmu b’mod effettiv u jżommu d-dixxiplina. “Minflok nissaħħu biex inżommu ordni, insibu pressjoni biex niffaċilitaw jew nagħlqu għajnejna għal ċerti affarijiet,” qal Uffiċjal ieħor, jekk nagħmlu dawk li jiddettaw il-priġunieri.
Moral baxx
Din is-sitwazzjoni qed tħalli impatt dirett fuq il-moral tal-ħaddiema. L-Uffiċjali jilmentaw li, filwaqt li l-priġunieri “jiġu kkuntentati f’kollox”, huma lanqas affarijiet bażiċi ma qed jingħataw. “Qegħdin naslu biex lanqas qalziet tax-xogħol ma jkun hemm, għax dejjem jingħad li m’hemmx,” żied l-Uffiċjal, b’ton ta’ dwejjaq u frustrazzjoni. Jew saħansitra qed iċċaħħduna mill-midalja ta’ servizz twil u effiċjenti.
L-istampa li qed toħroġ minn dawn hi ta’ tħassib għall-fatt li l-istituzzjoni tinsab f’punt delikat, fejn hemm nuqqas ta’ tmexxija ċara, ġlied intern u sentiment ta’ inġustizzja qed iwasslu għal rabja u diżillużjoni fost dawk li suppost qed jiżguraw is-sigurtà u l-ordni.
Hekk kif il-pajjiż qiegħed jidħol f’sena ġdida, l-Uffiċjali Korrettivi qed jistaqsu mistoqsija waħda sempliċi iżda kruċjali: min se jerfa’ r-responsabbiltà biex jerġa’ jġib l-istabbiltà u -rispett lejn min jaħdem fil-linja ta’ quddiem tal-Ħabs?
Din l-istorja dehret f’Il-Mument tal-Ħadd 4 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

