Il-lejl it-tajjeb, u nawguralkom is-sena t-tajba. Dawn kienu l-ewwel kelmiet li lissen il-President tal-Venezuela Nicolas Maduro hekk kif għamel l-ewwel dehra tiegħu quddiem il-cameras wara li kien arrestat mill-Istati Uniti f’pajjiżu stess.
Maduro deher immanettjat u skortat mill-aġenti Amerikani f’filmat proprju ppubblikat mill-White House stess –mal-wasla tiegħu fl-ajruport ta’ New York fejn aktar tard flimkien ma’ martu Cilia Flores, qiegħed jinżamm arrestat fil-Metropolitan Detention Center fi Brooklyn.
Maduro u martu kienu arrestati mill-Amerikani wara operazzjoni militari li ħasdet lill-bosta hekk kif daħlu fil-Belt ta’ Caracas mal-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. Il-Mexxej Venezwelan qed ikun akkużat b’terroriżmu u traffikar ta’ droga – liema akkużi Maduro qiegħed jiċħad, partikolarment li kien xi leader ta’ xi cartel ta’ droga.
Intant, filwaqt li l-Venezwela sejjaħ stat ta’ emerġenza nazzjonali, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump saħaq li l-Amerikani se jkunu qed imexxu temporanjament il-pajjiż sakemm hemm bżonn filwaqt li kompla li kumpaniji Amerikani taż-żejt se jkunu qed jassiguraw li l-infrastruttura tal-Venezwela fejn għandu x’jaqsam żejt, tkun tranġata bil-għan li l-pajjiż jkun jista’ jagħmel il-flus.
Filwaqt li għaddej dan kollu, il-Qorti Suprema tal-Venezuela ħatret lill-Viċi President Delcy Rodriguez sabiex tassumi l-kontroll u tkun ta’ acting president – il-Mexxejja tal-Oppożizzjoni Maria Corina Machado, rebbieħa tal-premju nobel tal-paċi għall-2025 qed tisħaq li l-President il-ġdid għandu jkun mill-Oppożizzjoni….ċioè hi
U filwaqt li l-poplu Venezwelan qiegħed jiċċelebra t-tneħħiha ta’ Nicolas Maduro, mhux biss fil-pajjiż, iżda madwar id-dinja – esperti ġeopolitiċi qed jisħqu li l-aġir ta’ Donald Trump ħoloq territorju politiku ġdid, wieħed li ftit li xejn id-dinja hija ppreparata għaliha.
//= $special ?>

