Alex Borg
Kap Partit Nazzjonalista
Wasalna lejn tmiem sena oħra, u xtaqt nuża dan il-ħin biex nitkellem ftit magħkom, mhux biss bħala Kap tal-Oppożizzjoni, iżda bħala ċittadin bħalkom.
Ċittadin li jemmen bis-sħiħ fil-potenzjal tal-poplu tagħna u ta’ dan il-pajjiż.
Illum ninsab quddiemkom b’umiltà, imma wkoll b’responsabbiltà kbira. Ir-rwol li għandi quddiemi, kemm bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u anke dak ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, mhux qed nieħdu b’mod ħafif.
Huwa minnu li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn tiġdid, imma f’dan il-mument mhux qed nitkellem dwar il-Partit, qed nitkellem dwar il-futur ta’ pajjiżna, dwar il-futur ta’ wliedna.
Futur, li rridu nibnu flimkien, minkejja d-differenzi kollha ta’ bejnietna.
Tliet pilastri kruċjali
Futur mibni fuq tliet pilastri – ir-rispett, il-kuraġġ, imma fuq kollox it-tama.
Malta tinsab f’salib it-toroq. Qed ngħixu fi żmien ta’ opportunità, imma wkoll żmien ta’ sfidi kbar.
Huma ħafna li dan iħossuh, għax din hi r-realtà. Issa jekk hux l-għoli tal-ħajja, l-isfida għall-akkomodazzjoni affordabbli, is-sitwazzjoni ta’ pagi li mhux qed ikunu biżżejjed biex ilaħħqu mar-realtajiet tal-ħajja.
Din mhix realtà astratta, imma hi l-konverżazzjoni ta’ madwar il-mejda tal-ikel, fil-postijiet tax-xogħol u fil-qlub tal-familji li qed jipprovaw jippjanaw il-futur tagħhom.
Madankollu, mhux se nibdew mill-bidu, dan għaliex għandna x-xorti li għandna pajjiż mimli talent, poplu ħawtiel, b’istituzzjonijiet li għandna nipproteġu u nkomplu nsaħħu. Għandna imprendituri li qed jibnu industriji ġodda, edukaturi li permezz tas-sagrifiċċji tagħhom qed jiffurmaw il-ġenerazzjonijiet ta’ għada, ħaddiema fis-settur tas-saħħa li huma l-eroj ta’ kuljum.
Għeruq sodi ta’ solidarjetà
Fostna għandna komunitajiet b’għeruq sodi ta’ solidarjetà, valuri u twemmin li Malta iva, tista’ tagħmel aħjar.
Irridu politika li taħtaf il-mument. Mhux b’ħafna storbju u daqq ta’ trombi, mhux b’qasma jew diviżjoni, imma b’ideat u soluzzjonijiet, u b’sens qawwi ta’ dmir li nistgħu nagħmlu aħjar.
Dik hi l-politika li nixtieq naħdem għaliha. Politika li titkellem inqas u tisma’ aktar. Li twettaq mhux b’biża’ jew rabja, imma b’sens ta’ dover u servizz.
Fis-sena li ġejja, se nkun qed niffoka aktar fuq dak li verament jagħmel id-differenza.
Se nressqu aktar proposti biex diffikultajiet li jiffaċċjaw il-ħafna, fosthom l-akkomodazzjoni affordabbli, verament jibdew jiġu mogħtija l-importanza illi dawn jistħoqqilhom. Se nkunu qed nimbuttaw għal aktar riformi li jwasslu għal pagi aħjar bi produttività akbar u li tirrifletti d-dinjità tal-ħaddiem.
Irridu nġibu l-bidla, imma rridu nbiddlu wkoll il-mod kif nagħmlu l-politika. Irridu nitkellmu maż-żgħażagħ li għalihom il-politika llum m’għadhiex tappella daqshekk. Irridu napprezzaw aktar lill-anzjani tagħna li bnew lil dan il-pajjiż b’idejhom. Irridu li kulħadd ikun indaqs, meqjus indaqs u kemm jista’ jkun neliminaw id-differenza fil-klassijiet soċjali.
Niftħu bibien ġodda
Huwa minnu li għadni żagħżugħ, imma nemmen li aħna ż-żgħażagħ, madwar il-mejda, ma nġibux nuqqas ta’ esperjenza, imma kuraġġ. Kuraġġ biex naħsbu differenti, niftħu bibien ġodda, u nibnu pontijiet f’soċjetà li qed tinbidel.
Iva, nemmen fil-progress. Progress li l-għeruq tiegħu huma mħaddna fil-valuri. Nemmen fit-tradizzjoni. Nemmen f’Malta li hi kburija bil-passat tagħha u f’Malta li ma tibżax mill-futur.
Se nkompli naħdem b’mod kostruttiv, fejn nikkritika meta nara l-bżonn, waqt li dejjem nibqa’ nipproponi. Senkompli nżomm sod u fuq kollox senkompli noffri l-għajnuna tiegħi kull meta nara l-bżonn.
Jien, Alex, se nkun hemm għal dawk li tilfu l-fiduċja fil-politika – li allura tilfu t-tama għal Malta u Għawdex tagħna.
Irrid nisma’ lil dawk li jaħsbu li l-bidla mhix possibbli.
Lil dawk li jemmnu li meta ningħaqdu bħala pajjiż nistgħu nagħmlu xi ħaġa aħjar.
Jien magħkom.
Diskussjoni miftuħa
Din is-sena ma għandniex narawha biss bħala l-bidu ta’ xi ħaġa ġdida imma l-bidu ta’ konverżazzjoni. Diskussjoni miftuħa dwar il-pajjiż li se nħallu lil uliedna u lil ulied uliedna.
Dwar l-għażliet li se nagħmlu biex dak li hu tajjeb għal pajjiżna nippreżervawh imma dak li għandu bżonn li jiġi rranġat, nirranġawh.
Din hi d-dar tagħna; dan hu l-mument tagħna.
Jalla s-sena l-ġdida ġġibna eqreb lejn Malta li hi aktar ġusta, b’saħħitha imma wkoll ħanina.
Ħbieb, minn qalbi nirringrazzjakom, u nawguralkom sena ġdida mimlija b’dak kollu li tixtieq qalbkom.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 4 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

