Lokali

Robert Abela kien jaf bil-miktub bil-periklu li kien hemm fuq il-ħajja tan-nies u baqa’ jinjorah

Lulju 2024: “X’qed nistennew? Li taqa’? Li jmutu n-nies?” – Boxall lil Abela u Galdes

Is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, ikkonferma l-istorja esklussiva ta’ Net News, ċioè li fix-xhur li għaddew l-istess Sindku kien bgħat sensiela ta’ e-mails kemm lill-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll lill-Ministru Roderick Galdes bil-periklu li kien hemm b’rabta ma’ binja fi Triq l-Antika fil-Birgu – binja li fl-għodwa tal-31 ta’ Diċembru waqgħet parti minnha.

F’intervista mal-gazzetta Illum, Boxall saħaq li l-ewwel email li bagħat kienet f’Lulju 2023 fejn fakkar lill-Ministru fuq il-konferenza stampa li kien għamel fejn wiegħed li se jirrestawra din il-binja u talbu sabiex iżomm kelmtu.

Dan hekk kif kienet fost numru ta’ binjiet fil-lokalità li kienet qed tieħu ħsieb l-Awtorità tad-Djar – madanakollu kemm Roderick Galdes kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, li kien infurmat b’dawn l-emails…m’għamlu assolutament xejn – minkejja li r-residenti kienu f’periklu ċar.

Boxall sostna mal-gazzetta ‘Illum’ li l-ħtiġijiet tar-residenti tal-Birgu qed jaqgħu fuq widnejn torox, bir-residenti jinsabu mħassba ferm.

Tul il-jum tas-Sibt, tlett ijiem wara, il-Ministru Galdes ħareġ stqarrija biex jgħid li preżentament għaddejja investigazzjoni interna wara l-kawża tal-inċident….u stqarr li issa qed tittieħed azzjoni konkreta. Madanakollu din il-binja issa ilha għal tal-inqas 6 snin taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern, u kellha ċċedi biex forsi jsir xi ħaġa – biċ-ċittadini jitqiegħdu f’riskju b’mod sfaċċat.

Net News bagħat sensiela ta’ domandi lill-Roderick Galdes mingħajr ma rċevejna tweġiba ċara.

F’Lulju 2024, Boxall kiteb e-mail lil Roderick Galdes kif ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela, fejn staqsih x’qed jistenna biex jagħmel xi ħaġa u x’se jiġri li jmutu n-nies?

Dan filwaqt li wara li seħħ il-każ, proprju ftit tas-sigħat wara, Boxall bagħat e-mail oħra lill-Ministru Galdes u lill-Prim Ministru Robert Abela fejn qalilhom li dak li seħħ kienet xorti tajba li ma miet ħadd – u inista li kien diġà wissihom li kienu qed jistennew li ssir diżgrazzja.

Boxall jgħid lil Galdes, “L-istess Kunsill għabbiek bir-responsabbiltà kollha li minn mument għall-ieħor ser tiġri xi diżgrazzja”

Għaldaqstant Net News kiteb ukoll lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar dan kollu, liema e-mail bqajna ma rċevejniex tweġiba għalihom.

Huwa ċar, li Robert Abela, flimkien ma’ Roderick Galdes, kien konxju minn dan kollu għaliex is-Sindku Laburista John Boxall kien qalilhom bla tlaqlieq li l-ħajja tan-nies kienet f’periklu.

Għalhekk il-Prim Ministru Robert Abela, konxjament, injora l-appelli ta’ John Boxall u tar-residenti, u ddeċieda li jilgħab bil-ħajja tan-nies.

Konxjament, Robert Abela kien jaf bil-periklu kbir li kien hemm u ġie jaqa’ u jqum li setgħa miet xi ħadd – u jekk la darba kien jaf ripetutament ir-responsabbiltà unika ta’ dan l-aġir għandha taqa’ f’ħoġor il-Prim Ministru u Ministru responsabbli.

Abela qed jaħrab milli jwieġeb domandi leġittimi dwar għalxiex din l-binja tħalliet f’dan l-istat, bil-periklu li jmut xi ħadd – minkejja li qalulu bir-riskju li kien hemm.