Lejlet il-ftuħ uffiċjali tal-kampanji akkwisti ta’ Jannar fil-futbol Malti, matul il-ġurnata tal-lum it-Tnejn diversi huma l-aħbarijiet u n-negozjati li qed jiżvolġu u li Net News flimkien mal-paġna ta’ Replay qed insegwu b’interess.
Attakkant mill-Panama viċin li jkun żvelat bħala akkwist ta’ Tarxien Rainbows
Fl-ewwel aħbar tal-ġurnata, kien żvelata l-aħbar li Tarxien Rainbows huma viċin li jħabbru l-akkwist ta’ attakkant ta’ 26 sena mill-Pananma, bl-isem ta’ Ángel Valverde. Rapporti dwar dan it-trasferiment dehru l-ewwel fil-media sportiva tal-Panama, hekk kif il-plejer hu proprjetà ta’ CA Independiente, klabb li jilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-pajjiż, Liga Panameña de Fútbol.
Hu mifhum li Tarxien Rainbows laħqu ftehim ma’ CA Independiente biex Valverde jkun misluf lilhom għall-kumplament tal-istaġun. Hu fatt li l-iskwadra mmexxija minn Jacques Scerri, qed tfittex li ssaħaħħ l-attakk tagħha matul dan ix-xahar, hekk kif s’issa Tarxien Rainbows hu l-inqas tim li skorja minn fost it-tnax tal-Malta Premier.
Birkirkara jikkonfermaw ir-ritorn tad-difensur Alessandro Coppola
Birkirkara ħabbru r-ritorn tad-difensur ċentrali Taljan, Alessandro Coppola, sigħat biss wara li lbieraħ il-paġna ta’ Replay żvelat li fl-Italja, il-kowċ ta’ Arzignano, klabb tas-Serie C Taljana, Daniele Di Donato, ikkonferma li d-difensur ta’ statura għolja u li għandu 25 sena, kien mistenni jħalli lill-klabb.
Diversi rapport fl-Italja, indikaw li Coppola talab li jinħall mill-kuntratt tiegħu sabiex ikun jista’ jirritorna jilgħab f’Malta ma’ Birkirkara.
Coppola lagħab għal tliet staġuni mal-Istripes, qabel ma ħalla Malta fis-sajf li għadda biex jiffirma ma’ Arzignano.
Paul Zammit jispicca minn kowċ ta’ Sliema Wanderers
Fi stqarrija maħruġa ftit tal-ħin ilu minn Sliema Wanderers, sar magħruf li Paul Zammit m’għadux kowċ tal-klabb, wara l-aħħar riżultat li ġarrab it-tim Slimiż, fl-ewwel rawnd tal-Meridianbet FA Trophy.
Nhar is-Sibt li għadda, Sliema Wanderers tilfu 2-1 fil-ħin barrani kontra Swieqi United, tim miċ-Challenge League, biex b’hekk kienu eliminati fi stadju bikri minn din il-kompetizzjoni. Dan ir-riżultat kompla jdgħajjef il-pożizzjoni ta’ Zammit bħala kowċ ta’ Sliema Wanderers, wara li kien ilu tliet snin u nofs fit-tmexxija teknika tal-klabb.
Minkejja li attwalment Sliema Wanderers jinsabu fit-tielet post, bl-istess ammont ta’ punti daqs Valletta fit-Top Six tal-Opening Round tal-Malta Premier, in-nuqqas ta’ konsistenza fir-riżultati miksuba mis-Slimiżi dan l-istaġun kien qed ikun ikkritikat mill-partitarji tal-klabb.
Fi stqarrija maħruġa mil-klabb, Sliema Wanderers qalu li “din id-deċiżjoni ma tteħditx b’mod faċli. Wara konsiderazzjoni bir-reqqa, iż-żewġ partijiet waslu għall-konklużjoni li dan il-pass huwa fl-aħjar interess tal-klabb hekk kif it-tim Slimiż għandu jkompli jiffoka fuq l-objettivi sportivi tiegħu u l-viżjoni fit-tul.”
Fl-istess stqarrija, Sliema Wanderers esprimew l-apprezzament sinċier tagħhom lejn Zammit “għall-impenn, il-professjonalità u x-xogħol li wettaq matul il-perjodu tiegħu mal-klabb. Nirringrazzjawh għall-isforzi u d-dedikazzjoni tiegħu, u nawgurawlu kull suċċess fil-karriera professjonali tiegħu fil-futur.”
Sliema Wanderers f’negozjati avvanzati ma’ difensur ċentrali Serb
Intant Sliema Wanderers jibqgħu fl-aħbarijiet hekk kif Replay, il-Ħadd filgħaxija żvela b’esklussività li l-klabb hu mistenni jakkwista difensur ċentrali Serb li lagħab l-aħħar fil-Prva Makedonska Fudbalska Liga, l-ogħla diviżjoni tal-futbol fil-Maċedonja.
Sorsi infurmati sew żvelaw ma’ Replay li l-Blues jinsabu f’negozjati avvanzati biex jiffirmaw lill-plejer ta’ 27 sena, Dejan Djuric, li bħalissa jinsab bla klabb. Djuric kien qed jilgħab l-aħħar ma’ Pelister Bitola, tim li jikkontesta fl-ogħla livell tal-futbol Maċedonjan.
Id-difensur ta’ statura għolja baqa’ bla klabb f’dan l-istaġun, iżda mistenni jitħabbar minn Sliema Wanderers bħala wieħed mill-akkwisti l-ġodda tagħhom f’Jannar.
Djuric lagħab għal diversi staġuni ma’ Vardar Skopje, wieħed mill-aktar klabbs ta’ suċċess fl-istorja tal-futbol fil-Maċedonja.
Hibernians viċin li jħabbru r-ritorn ta’ Ali Diakité
Illum wara nofsinhar, Replay ħabbar li Hibernians mistennija jħabbru r-ritorn tal-eks midfielder tagħhom mil-Kosta tal-Avorju, Ali Diakité li għandu 32 sena.
Diakité, li lagħab l-aħħar f’Malta ma’ Birkirkara, kien lagħab għal staġun u nofs ma’ Hibernians u saħansitra rebaħ il-Malta Premier fl-istaġun 2021/22.
Sliema Wanderers jibdew kapitlu ġdid wara t-tluq ta’ Paul Zammit
Ftit sigħat biss wara li ġiet deċiża t-tmiem tal-kuntratt bejn Sliema Wanderers FC u Paul Zammit, il-klabb Slimiż diġà beda jaħdem biex jidentifika min se jkun is-suċċessur tiegħu għall-bqija tal-istaġun.
Għalkemm għadu kmieni wisq biex jissemmew ismijiet ta’ kowċis possibbli, Replay hu nfurmat li l-kumitat diġà beda jeżamina s-suq sabiex jara liema kowċis huma disponibbli bħalissa u, fuq kollox, min minnhom jista’ jikkumplimenta l-istrateġija u l-viżjoni fit-tul tal-klabb.
Għall-partita ta’ għada, it-Tlieta, kontra Marsaxlokk fil-Malta Premier League, l-iskwadra se tkun fdata f’idejn l-eks internazzjonali Malti u eks captain ta’ Sliema Wanderers, Noel Turner, li kien l-assistent ta’ Zammit. Hu se jkun megħjun mill-match analyst tal-istaff tekniku, Malachy Portelli.
It-tim tekniku temporanju se jkun ukoll appoġġjat mill-esperjenza ta’ wieħed mill-uffiċjali tal-klabb, l-eks internazzjonali Malti Alex Muscat, li se joffri l-kontribut tiegħu fil-preparazzjoni tal-partita kontra x-Xlukkajri.
Huwa mifhum li minn għada l-affarijiet fil-klabb Slimiż jibdew jiċċaraw aktar dwar min jista’ jkun il-kowċ il-ġdid. Kelliem għall-klabb li tkellem ma’ Replay sostna li f’dan l-istadju kull isem li jissemmew ikun biss spekulazzjoni, peress li Sliema Wanderers għadhom ma bdew jitkellmu jew jinnegozjaw ma’ ebda kandidat.
Marsaxlokk jiffirmaw lil Domantas Simkus mingħand Ħamrun Spartans
Akkwist importanti għat-tim tat-top six, Marsaxlokk li ftit ta’ ħin ilu ħabbru l-akkwist tal-midfielder Litwan, Domantas Simkus li qatta’ l-ewwel nofs staġun ma’ Ħamrun Spartans fejn lagħab total 24 partita fil-kompetizzjonijiet kollha, kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Simkus lagħab ukoll 31 partita mat-tim nazzjonali tal-Litwanja, u huwa ffirma kuntratt ma’ Marsaxlokk sa tmiem dan l-istaġun.
//= $special ?>

