Futbol Sport

BREAKING – Paul Zammit jispiċċa minn kowċ ta’ Sliema Wanderers

Paul Zammit
Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo.

Fi stqarrija maħruġa ftit tal-ħin ilu minn Sliema Wanderers, sar magħruf li Paul Zammit m’għadux kowċ tal-klabb, wara l-aħħar riżultat li ġarrab it-tim Slimiż, fl-ewwel rawnd tal-Meridianbet FA Trophy.

Nhar is-Sibt li għadda, Sliema Wanderers tilfu 2-1 fil-ħin barrani kontra Swieqi United, tim miċ-Challenge League, biex b’hekk kienu eliminati fi stadju bikri minn din il-kompetizzjoni. Dan ir-riżultat kompla jdgħajjef il-pożizzjoni ta’ Zammit bħala kowċ ta’ Sliema Wanderers, wara li kien ilu tliet snin u nofs fit-tmexxija teknika tal-klabb.

Minkejja li attwalment Sliema Wanderers jinsabu fit-tielet post, bl-istess ammont ta’ punti daqs Valletta fit-Top Six tal-Opening Round tal-Malta Premier, in-nuqqas ta’ konsistenza fir-riżultati miksuba mis-Slimiżi dan l-istaġun kien qed ikun ikkritikat mill-partitarji tal-klabb.

Fi stqarrija maħruġa mill-klabb, Sliema Wanderers qalu li “din id-deċiżjoni ma tteħditx b’mod faċli. Wara konsiderazzjoni bir-reqqa, iż-żewġ partijiet waslu għall-konklużjoni li dan il-pass huwa fl-aħjar interess tal-klabb hekk kif it-tim Slimiż għandu jkompli jiffoka fuq l-objettivi sportivi tiegħu u l-viżjoni fit-tul.”

Fl-istess stqarrija, Sliema Wanderers esprimew l-apprezzament sinċier tagħhom lejn Zammit “għall-impenn, il-professjonalità u x-xogħol li wettaq matul il-perjodu tiegħu mal-klabb. Nirringrazzjawh għall-isforzi u d-dedikazzjoni tiegħu, u nawgurawlu kull suċċess fil-karriera professjonali tiegħu fil-futur.”