Lokali

Fl-2025: Kellna 21 mewta fit-toroq Maltin

“Ir-responsabbiltà mhix biss tal-awtoritajiet li jiżguraw is-sigurtà fit-triq. Iżda hija wkoll tas-sewwieqa li għandhom isuqu b’mod sigur u mingħajr ma jpoġġu lil ħaddieħor f’riskju.”

Hekk sostna l-editorjal tal-gazzetta The Malta Independent wara ċifri li ppubblika l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika illi juru kif fl-2025, fit-toroq Maltin tilfu ħajjithom 21 persuna.

L-editorjal tenna kif fl-aħħar ġimgħat komplew l-ispezzjonijiet regolari f’diversi toroq f’Malta u Għawdex – tant li bejn l-1 u t-30 ta’ Diċembru, saru total ta’ 271 spezzjoni fejn ġew imwaqqfa 7,932 vettura. Ammont li huwa kbir u li jservi ta’ deterrent għal dawk kollha li jkunu qed isuqu b’mod perikoluż u taħt l-influwenza ta’ xi sustanza.

L-editorjal ta’ The Malta Independent saħaq dwar l-importanza li l-awtoritajiet ikomplu jsaħħu l-infurzar tat-toroq billi jintroduċu aktar miżuri biex itejbu s-sigurta fit-toroq, ibiddlu barriers li jaf ikunu ta’ periklu għas-sewwieqa – partikolarment tal-muturi, u jsir titjib fl-infrastruttura tal-bankini.

L-editorjal saħaq li ħafna mill-inċidenti li jsiru, iseħħu għax wieħed ikun qed jagħmel użu mill-mowbajl, ikun qiegħed isuq aktar mil-limitu, ikun għajjien jew taħt l-effett ta’ xorb jew droga.

U huwa għalhekk li dawn l-inċidenti – li jpoġġu ħajjet is-sewwieqa u persuni oħrajn fir-riskju – jistgħu faċilment jiġu evitati.

Il-perijodu tal-festi kien relattivament kwiet fejn jidħlu inċidenti; għalkemm lejlet il-Milied mara Kolombjana tilfet ħajjitha f’każ traġiku li seħħ fit-triq li twassal lejn Paceville.