“M’inix ħati għall-akkużi miġjuba kontrija. Jien raġel diċenti u għadni l-President tal-Veneżwela.”
Hekk sostna l-Eks President tal-Veneżwela Nicolas Maduro fil-Qorti ta’ New York fejn tressaq formalment b’akkużi serji wara li hu nħataf minn pajjiżu f’operazzjoni militari mmexxija mill-qawwiet Amerikani – operazzjoni li fiha nqatlu wkoll numru ta’ persuni.
Maduro qed ikun akkużat, fost l-oħrajn, bi traffikar ta’ droga u armi lejn l-Istati Uniti.
U bħalissa, il-Veneżwela qed titmexxa mill-Aġent President Delcy Rodrigez. Bi Trump iwissiha li hi għandha tagħmel “dak li hu ġust”.
L-eks leader tal-Veneżwela ttieħed lejn il-Qorti kmieni wara nofsinhar.
Hu deher jiġi skortat taħt sigurtà stretta – immanettjat u mdawwar bis-suldati. Miegħu kien hemm martu Cilia Flores. Din ukoll tressqet il-qorti miegħu u wieġbet mhux ħatja għall-akkużi.
Maduro kien ilu snin twal imexxi l-pajjiż b’mod kunsidrat bħala “ripressiv”. Biex imbagħad, spiċċa reġa’ rebaħ l-elezzjoni tal-2024 – għalkemm ħafna mexxejja tal-Punent jemmnu li dik l-elezzjoni ntrebħet b’mod illegali.
Fl-aħħar sigħat, il-President Trump baqa’ jinsisti bil-pjan tiegħu li ma jieqafx biss mal-Veneżwela. Fil-fatt, il-President tal-Istati Uniti indika li anke l-Kolombja taf tkun fil-mira ta’ azzjonijiet militari minn pajjiżu.
Donald Trump iddeskriva lill-President tal-Kolombja bħala “raġel marid” li mhux se jdum fil-poter għal żmien twil.
Fi żviluppi oħra, kemm iċ-Ċina u anke l-Iran appellaw b’saħħa biex Nicolas Maduro jiġi rilaxxat immedjatament. U sejħu għad-djalogu u negozjati f’dan il-perijodu sensittiv.
Dawn l-iżviluppi kollha se jkunu diskussi wkoll f’laqgħa urġenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
//= $special ?>

