Kummerċ Lokali

Il-BOV jingħata rikonoxximent fil-European Customer Experience Awards

L-impenn tal-Bank of Valletta li jagħti lill-klijenti l-aħjar servizz ġie rikonoxxut waqt il-European Contact Centre & Customer Service Awards (ECCCSA). Dan huwa wieħed mill-aktar programmi ta’ premjazzjoni rinomati fl-Ewropa fil-qasam tal-esperjenza tal-klijent. Il-Bank irċieva rikonoxximent f’żewġ kategoriji ewlenin: Best Customer Centric Culture u Best Customer Experience Redesign.

Dan ir-rikonoxximent jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Bank li jżomm lill-klijent fil-qalba tal-kultura organizzattiva tiegħu, u li jfassal l-esperjenzi tal-klijent b’mod sempliċi, trasparenti u konformi mal-aspettattivi li kulma jmur dejjem qed jevolvu.

F’dawn l-aħħar snin, il-Bank nieda programm komprensiv fuq livell organizzattiv, maħsub biex itejjeb is-servizz offrut lill-klijent. Dan il-programm hu bbażat fuq għanijiet komuni, u jinkludi inizjattivi biex l-impjegati f’kull livell ikollhom esperjenza tal-frontline u jinvolvu ruħhom direttament mal-klijenti. Ingħata wkoll taħriġ fl-eċċellenza tas-servizz, u sar sforz qawwi biex jissaħħu s-sistemi u l-proċessi. B’hekk l-għarfien miksub mill-klijenti jissarraf b’mod konsistenti f’titjib konkret.

Ir-rikonoxximent fil-kategorija Best Customer Experience Redesign jirrikonoxxi l-approċċ innovattiv tal-Bank biex joħloq djalogu ma’ udjenza żagħżugħa permezz ta’ TikTok. Minflok ma uża l-pjattaforma bħala mezz tradizzjonali ta’ marketing, il-Bank of Valletta qed juża dan il-mezz bħala punt ta’ kuntatt mal-klijent. Il-kontenut qed jinħoloq flimkien mal-ġenerazzjoni GenZ bil-għan li l-edukazzjoni finanzjarja tiġi ppreżentata b’mod ċar, aċċessibbli u kulturalment rilevanti. Dan l-unur irrikonoxxa l-mod kif jista’ jinħoloq djalogu miftuħ, filwaqt li jinżammu livelli għolja ta’ governanza, compliance, u integrità tal-organizzazzjoni.

Fil-kummenti li għadda dwar dan ir-riżultat, Theodoros Papadopoulos, Chief Customer Experience Officer tal-Bank of Valletta, qal, “Dan ir-rikonoxximent jirrifletti l-ħidma intenzjonata  u dedikata tat-timijiet tagħna, kif ukoll il-fiduċja li jagħtuna l-klijenti. Dan jikkonferma li meta nfasslu l-esperjenzi b’empatija u nikkunsidraw kull deċiżjoni mill-perspettiva tal-klijent, inkunu qed noħolqu valur sostenibbli kemm għall-organizzazzjoni, kif ukoll għall-komunità li naqdu.”

Issa fil-25 sena tagħhom, il-European Contact Centre & Customer Service Awards huma l-akbar u l-aktar programm ta’ premjazzjoni li ilu għaddej fl-Ewropa fil-qasam tal-esperjenza tal-klijent. Dawn il-premjazzjonijiet jiċċelebraw organizzazzjonijiet li juru eċċellenza fis-servizz lill-klijenti permezz tal-innovazzjoni, tmexxija b’saħħitha u impatt li jista’ jitkejjel.