Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia, il-Partit Nazzjonalista tenna li t-tmexxija perikoluża tal-finanzi ta’ pajjiżna mill-Gvern Laburista wasslet biex anke l-esperti ekonomiċi u finanzjarji maħtura mill-istess Gvern issa qed iwissuh biex ibiddel ir-rotta qabel ma jkun tard wisq.
Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv tal-Gvern, grupp ta’ esperti maħtura mill-Ministru għall-Finanzi bl-għan li jevalwaw il-politika finanzjarja u ekonomika tiegħu, wissa li l-infiq tal-Gvern se jpoġġi lil pajjiżna f’qagħda vulnerabbli, u appellalu biex isaħħaħ il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna.
B’referenza għall-infiq esaġerat tal-Gvern fuq oqsma mhux produttivi, l-istess Kunsill sostna li minflok, il-Gvern għandu jinvesti flus il-poplu f’oqsma bħall-infrastruttura, l-edukazzjoni, il-ħiliet, attivitajiet ekonomiċi ta’ valur miżjud u biex ikabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna b’mod sostenibbli. Dan l-appell jirrifletti bis-sħiħ l-appell li kienu għamlu l-Partit Nazzjonalista kif ukoll bosta korpi kostitwiti qabel il-budget li għadda – appell li l-Gvern ta’ Robert Abela għażel li jinjora għalkollox.
L-esperti fakkru li ż-żieda fin-nefqa tal-Gvern hija ferm ogħla minn dak rakkomandat mill-Unjoni Ewropea. Pajjiżna diġà jinsab taħt Proċedura ta’ Deficit Eċċessiv tal-Kummissjoni Ewropea, u l-istess istituzzjoni, f’Novembru li għadda wkoll kellha twissija ċara li jekk il-Gvern mhux se jdawwar ir-rotta, kienet se tkun kostretta tieħu passi ulterjuri fil-konfront ta’ pajjiżna, b’theddida għas-sovranità ta’ pajjiżna.
Matul is-sena li għaddiet, id-dejn ta’ pajjiżna laħħaq il-11-il biljun ewro. F’sena waħda biss, il-Gvern Laburista ħallas aktar minn €260 miljun f’imgħax fuq id-dejn tiegħu stess. Dwar dan l-imgħax, tkellem ukoll l-Awditur Ġenerali, li wissa kif din in-nefqa fuq l-imgħax qed tieħu post invesitmenti li jippromwovu tkabbir ekonomiku u investiment fil-qasam soċjali.
Dan huwa Gvern bla viżjoni ekonomika, u waqt li tal-qalba jistagħnew, il-poplu jsofri l-għoli fil-prezzijiet.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella lill-Gvern biex jisma’ x’qed jgħidulu l-esperti tiegħu stess, l-Awditur Ġenerali, istituzzjonijiet Ewropej u korpi kostitwiti u ma jibqax iwebbes rasu. Malta jixirqilha kontabbiltà finanzjarji u għaqal fiskali, fejn flus il-poplu jintużaw għal investimenti li verament jirrendu l-ġid u joħolqu kwalità ta’ ħajja aħjar.
//= $special ?>

