Lokali

“Il-Gvern mhux biss falla milli jwettaq il-wegħda ta’ PrEP b’xejn, imma issa ħalla wkoll l-istocks jiskadu” – Il-PN

Bir-riżultat li din il-mediċina kruċjali għall-prevenzjoni tal-HIV issa lanqas tista’ tħallas għaliha għax mhix disponibbli f’Malta

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers, Stephen Spiteri, Ian Vassallo u Graziella Attard Previ flimkien mal-President Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista, Jamie Vella, il-Partit Nazzjonalista esprima l-fatt li jinsab imħasseb serjament bir-rapporti li l-mediċina ta’ prevenzjoni tal-HIV, il-PrEP, bħalissa mhix disponibbli f’Malta, lanqas bi ħlas. Il-Gvern mhux biss falla milli jwettaq il-wegħda tiegħu li jintroduċi l-PrEP b’xejn, iżda issa ħalla wkoll l-istocks jiskadu mingħajr ma ġew sostitwiti.

Dan ifisser li n-nies mhux talli ma jistgħux jiksbu din il-pillola kruċjali għall-prevenzjoni tal-HIV b’xejn imma issa lanqas jistgħu jħallsu għaliha, għax m’hemmx stock, bl-unika għażla li fadal tkun li tinkiseb online.

F’mument meta Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ trażmissjoni tal-HIV fl-Ewropa, dan jirrappreżenta falliment serju tas-saħħa pubblika. Il-prevenzjoni tal-HIV ma tistax tispiċċa vittma tat-tkaxkir tas-saqajna u l-wegħdiet miksura tal-Labour.

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin sħaħ jitkellem u jinsisti fuq din il-kwistjoni. Ftit ġimgħat biss ilu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iltaqa’ ma’ attivisti u reġa’ kkonferma l-impenn tal-PN li jintroduċi PrEP b’xejn fl-ewwel sena ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista, u jwettaq dak li l-Labour falla milli jwettaq.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li n-nuqqas ta’ mediċina adegwata se jwassal għal effetti negattivi fuq dawk affettwati, filwaqt li fl-istess ħin joħloq piż akbar fuq is-servizz nazzjonali tas-saħħa.

Aħna nesprimu s-solidarjetà tagħna ma’ dawk kollha affettwati u nirringrazzjaw lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu bla heda fil-prevenzjoni tal-HIV u fil-qasam tas-saħħa sesswali.