Dak li beda bħala passjoni għall-ikel u nbejjed raffinati wassal għat-twaqqif ta’ Abrahams’ Supplies. U kien propju għalhekk illi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qatta’ nofstanhar f’Għawdex flimkien mas-sid ta’ din l-intrapriża – Abraham Said.
Alex Borg kellu l-opportunità li jara l-operat ta’ din il-kumpanija filwaqt li sema’ wkoll l-opportunitajiet u d-diffikultajiet ta’ imprendituri lokali bħalma hu Abraham Said.
F’dawn l-aħħar snin, Said permezz tal-innovazzjoni tiegħu irnexxielu joħloq kantina tal-inbid bl-aħħar teknoloġija, kċina moderna u anke vinoteka. Permezz ta’ dan, il-pubbliku mhux biss jista’ jixtri, iżda wkoll jesperjenza l-ikel u l-inbejjed b’mod dirett.
F’kummenti li ta lil Net News, il-Kap tal-PN Alex Borg spjega li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li jara l-imprendituri Maltin u Għawdxin idawru l-ħolm tagħhom f’realtà. Fejn wiegħed li kemm mill-Oppożizzjoni u wisq aktar mill-Gvern se jagħmel biċ-ċert li nies bħal Abraham u anke dawk kollha li jixtiequ jkabbru n-negozju tagħhom ikollhom l-għodda kollha meħtieġa.
Fejn anke wiegħed li partikolarment se jinvesti f’dawk iż-żgħażagħ li jħarsu ‘l quddiem sabiex ikunu imprendituri.
Fl-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, ippreżenta numru ta’ proposti li jwasslu sabiex ħolma bħalma kienet ta’ Abraham issir realtà. Fosthom anke ċ-Child Trust Fund li tħalli eluf ta’ ewro fil-but tal-wild hekk kif jagħlaq l-20 sena. U li jippermettu li jibdew jaraw il-ħolm tagħhom issir realtà – anke f’każ li jridu jibdew negozju tagħhom.
Dan apparti li l-PN lest jibqa’ jappoġġja lill-industrija lokali b’inizjattivi varji u inċentivi diretti, filwaqt li jsir investiment li jsaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż.
Fuq kollox, Gvern Nazzjonalista jsaħħaħ il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer – xi ħaġa li żgur tkompli tgħin lill-imprendituri Għawdxin sabiex iwasslu l-prodott tagħhom f’Malta.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-PN kien hemm ix-Shadow Minister Chris Said flimkien ma’ numru ta’ kandidati għal Għawdex f’isem il-Partit Nazzjonalista, Beppe Galea u Norma Camilleri.




