Il-Ministri u l-familji tagħhom qed jgħixu f’dinja parallela għal dik tal-kumplament tal-Maltin. Waqt li l-familji Maltin iridu jaħsbu għal rashom biex ikollhom dħul dinjituż, il-Ministri jieħdu ħsieb lil tagħhom.
Minkejja li għadna fl-ewwel ġimgħa tas-sena l-ġdida, jidher ċar li xejn ma nbidel għall-Ministri ta’ Robert Abela hekk kif Anton Refalo jidher li sab post għal bintu fuq il-Bord tal-Malta MedAir – kumpanija tal-Gvern li tagħmel chartering ta’ titjiriet mill-KM Malta Airlines, jew aħjar dik li xi darba kienet l-Air Malta.
Skont rapport ta’ The Shift News, bint Refalo, li hija studenta mingħajr l-ebda esperjenza fit-tmexxija ta’ negozju – aktar u aktar ta’ linja tal-ajru kummerċjali – tpoġġiet fuq dan il-Bord ftit tax-xhur ilu fuq ordni diretta tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana. Hija tpoġġiet fuq il-Bord minkejja li ma kienx hemm riżenji jew vakanzi ġodda fuq l-istess Bord.
Din l-aħbar tfakkar fil-ħafna okkażjonijiet fejn Ministri jew persuni qrib il-Gvern taw jobs, konsulenzi jew aktar lil qraba jew ħbieb tagħhom. Il-każ tal-job fantażma f’Għawdex lil mart Clayton Bartolo minn sieħbu l-Ministru Clint Camilleri għadu frisk f’moħħ kulħadd. Il-mara ta’ ħu l-Ministru Jo Etienne Abela malajr sabet postha bħala segretarja tal-istess Ministru minkejja li dan imur kontra l-kodiċi tal-etika għall-Ministri. Il-lista twila ta’ qraba ta’ persuni qrib il-Gvern li ngħataw job ma’ Heritage Malta hi eżempju ieħor ta’ trattament preferenzjali.
Dan kollu jikkonferma r-realtà parallela li jgħixu fiha l-Ministri.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna spjegazzjoni ċara mingħand il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana li tiġġustifika t-tpoġġija ta’ Simona Refalo, li hija wkoll Sindku Laburista tax-Xewkija, fuq dan il-Bord.
Il-meritokrazija li tant ħambaq fuqha l-Labour mhux biss trid issir, imma trid ukoll tidher li qed issir. Jidher li l-Ministri tal-Labour ilhom li nsew xi tfisser din il-kelma.
//= $special ?>

