Lokali

“Il-mudelli tal-karità f’Malta għandhom jinbidlu”- Andrew Azzopardi

“Il-karità u l-ġbir ta’ flus kif nafuhom illum iridu jinbidlu – spiċċa zmienhom. Dan huwa mudell skadut u li jnaqqas mill-umanità.”

Kien dan is-sentiment li esprima l-Professur Andrew Azzopardi f’dokument li ppreżenta fl-aħħar jiem sabiex tibda diskussjoni pubblika.

F’dan il-memorandum, Andrew Azzopardi propona 13-il rakkomandazzjoni sabiex verament jitwassal messaġġ ċar li d-dinjità mhix xi tip ta’ għodda għal ġbir ta’ fondi.

Fil-memorandum li ppreżenta, Azzopardi tenna li s-sofferenza televiżiva mhix politika soċjali.

Dan filwaqt li fakkar kif Malta tonfoq madwar €2.6 biljun fis-sena fuq servizzi soċjali u benefiċċji.

Hawnhekk tenna kif minkejja li l-Gvern f’pajjiżna jisħaq li l-ekonomija hija waħda eċċellenti, in-nies xorta waħda għadhom jitkarrbu għall-appoġġ u s-servizzi essenzjal.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet li ppropona, huwa elenka donazzjonijiet awtomatiċi permezz ta’ ħlasijiet żgħar, fondi pubbliċi parteċipattivi, lotteriji ta’ karità, pjattaformi aktar effiċjenti fejn wieħed ikun jista’ jagħti donazzjoni, li jissaħħu l-koperattivi fis-settur soċjali, u li ċ-charity collection boxes isiru illegali – fost numru ta’ rakkomandazzjonijiet oħrajn.

Andrew Azzopardi saħaq li jekk id-dinjità tgħodd, il-mudelli tal-karità f’Malta għandhom jinbidlu. Huwa stqarr li “Malta issa trid ikollha konverżazzjoni onesta u pubblika dwar it-tranżizzjoni mis-sistema antika ta’ ġbir ta’ fondi għal waħda aktar moderna.”