Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali tħassar sentenza fil-każ tal-Eks Supretendent D’Anastas u tibgħat il-kawża lura minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni

Il-Qorti Kostituzzjonali ħassret is-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kompetenza kostituzzjonali fil-kawża mressqa mill-eks uffiċjal tal-Pulizija Raymond D’Anastas relatata mal-proċess tal-għażla tal-Assistent Kummissarji tal-2016, wara li sabet li kemm ir-rapport tal-Ombudsman kif ukoll is-sentenza tal-ewwel Qorti kienu nieqsa minn motivazzjoni ċara u konkreta.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, osservat li minkejja li kien intqal li l-proċess ta’ selezzjoni kien “ivvizzjat”, “parodija ta’ proċess formali” u li kien hemm “inġustizzja gravi” lejn l-Eks Supretendent, ma ġietx ippreżentata spjegazzjoni ċara dwar liema kriterji kienu li wasslu għal tali sentenza, liema salvagwardji tneħħew, u kif eżatt seħħew dawn l-irregolaritajiet.

Il-Qorti rrimarkat li mhux biżżejjed jingħad li saru anomaliji jew li nqala’ suspett; kellha tingħata spjegazzjoni sostanzjata tal-fatti u raġunament legali li jwassal għal konklużjoni ta’ diskriminazzjoni jew trattament inġust. L-istess kritika saret għas-sentenza tal-ewwel Qorti li kienet qabdet mal-asserzjonijiet tal-Ombudsman mingħajr ma spjegat għaliex qatgħet qalbha favur l-istess konklużjonijiet.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li l-kwistjoni dwar jekk seħħitx diskriminazzjoni jew le tibqa’ miftuħa. Hija enfasizzat li l-annullament tas-sentenza ma jfissirx li l-ilment ta’ D’Anastas hu bla mertu, iżda li s-sentenza li tagħtih raġun kienet legalment difettuża minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni kif jitlob l-artiklu 218 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

B’riżultat ta’ dan, il-Qorti ddeċidiet li tħassar is-sentenza u tibgħat il-kawża lura għand l-ewwel Qorti biex issir evalwazzjoni mill-ġdid, tinstemgħu l-partijiet u tingħata sentenza ġdida li trid tkun motivata b’mod ċar u komprensiv. L-ispejjeż ta’ dan l-appell tħallew bla taxxa bejn il-partijiet.

F’Ottubru tal-2024 – il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat tal-Istat biex jikkunpensaw f’danni s-somma ta’ €61,000 lill-Eks Supretendent Raymond D’Anastas wara li sabet li l-proċess fil-konfront tiegħu għal għażla ta’ Assistenti Kummissarji fl-2016 kien wieħed ivvizzjat. Il-Qorti qalet li dan kien każ ċar ta’ diskriminazzjoni fejn oħrajn setgħu wkoll ġew diskriminati waqt il-proċess tal-għażla.

Kemm il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat appellaw mis-sentenza. D’Anastas kien diġà ngħata raġun mill-Ombudsman iżda baqa’ qatt ma ngħata rimedju. L-Imħallef Joanne Vella Cuschieri kienet ikkonkludiet li l-Kummissarju tal-Pulizija naqas li jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman fuq dikriminazzjoni ċara li saret kontrih meta ma ġiex promoss għall-Assistent Kummissarju.

Huwa kien ħassu aggravat b’decizjoni li ma ġiex promoss wara li l-proċess fil-konfront tiegħu kien wieħed ivvizzjat, xi ħaġa li kkummenta dwarha L-Ombudsman u baqa’ ma sar xejn xorta waħda. Il-Kummissarju tal-Pulizija baqa’ jonqos milli jonora dak li qal li ħareġ mill-uffiċċju tal-Ombudsman, li kien sostna li D’Anastas kellu jiġi promoss jew jingħata danni sofferti.    

“Il-proċess tal-għażla għall-kariga ta’ Assistent Kummissarju tal-Pulizija kien ‘ivvizzjat’”, kien qal l-Ombudsman fil-kummenti tiegħu. Dan kien każ ieħor li joħroġ mill-perijodu li fih Lawrence Cutajar kien fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija. L–Ombudsman innifsu kien sab li l-proċess tal-2016 għall-promozzjonijiet mhux biss kien wieħed ivvizzjat, iżda li l-Kummissarju mexxa proċess li nbidel f’teatrin.

Proċess li ffavorixxa lil ħaddieħor

Fil-fatt, l-Ombudsman kien sab li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fl-għażla tiegħu ffavorixxa ċerti individwi fuq oħrajn. U l-proċess li mexxa Cutajar kien deskritt bħala wieħed tad-daħq, għaliex għażel lil min jagħti promozzjoni abbażi ta’ fiduċja personali.

Raymond D’Anastas għamel aktar minn 30 sena jservi f’diversi karigi u pozżizzjonijiet differenti fil-Korp tal-Pulizija. Ir-rikors jgħid li f’Awwissu tas-sena 2016 il-Korp tal-Pulizija u l-Kummissarju tal-Pulizija kienu ħarġu ċirkolari sabiex jinfurmaw li hemm l-vakanzi għall-kariga ta’ Assistenti Kummissarji fil-Korp tal-Pulizija. Huwa kien applika għall-proċess ta’ għażla sabiex jiġi kkunsidrat għal din il-kariga.

Huwa ma għaddiex mill-proċess tal-Bord tal-għażla u konsegwentament ma ħax il-promozzjoni minn Supretendent, għal Assistent Kummissarju tal-Pulizija. Wara huwa kien ressaq petizzjoni quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Wara li saret din il-pettizzjoni, il-Kummissjoni ma laqgħetx din l-petitzzjoni.

Peress li  xorta waħda ħass aggravat fejn ħass li saret diskriminazzjoni kontrih, kien ressaq ilment quddiem l-Obudsman sabiex jinvsetiga t-talba tiegħu.  D’Anastas allega li sofra diskriminazzjoni u inġustizzja mill-Bord tal-Għażla, u ħass ukoll li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma kinetx indirizzat l-ilment tiegħu b’mod li setgħet titwettaq ġustizzja miegħu.

Il-Qorti kienet qed tiġi mitluba biex tillikwida l-istess kumpens u danni pekunjarji u non-pekunjarji kif sofferti mill-Eks Suprtetendent skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-Artiklu 41 tal-Konvenzjoni Ewropea. U sabiex jtħallas l-istess kumpens u danni likwidati bl-imgħax skont il-ligi.

L-Ewwel Qorti kienet laqgħet kważi it-talbiet kollha tal-Eks Supretendent u kienet iffissat total ta’ kumpens f’danni pekunjarji u non-pekunjari fis-somma ta’ €61,000.

Għal Raymond D’Anastas qed jidher l-Avukat David Bonello.