Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell ta’ Liam Debono li sostna li kien inkiser id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq minħabba li ma tressqux eċċezzjonijiet preliminari fil-Qorti Kriminali mill-avukat tiegħu ta’ dak iż-żmien.
Debono, li fl-2018 kien taħt l-età meta ta’ 17-il sena saq Mercedes f’Ħal Luqa u tajjar lil Simon Schembri, fil-lokalità ta’ Ħal-Luqa. Huwa kien tressaq b’akkużi fuq attentat ta’ qtil u akkużi oħra relatati mal-inċident. L-uffiċjal tal-Pulizija kien ġarrab ġrieħi serji ħafna u tilef idu meta spiċċa mkaxkar għal diversi metri.
Fil-kawża kostituzzjonali tiegħu, Debono sostna li ma ngħatax l-opportunità effettiva biex iqajjem eċċezzjonijiet preliminari wara li rċieva l-att tal-akkuża f’Ġunju tal-2020 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u li għalhekk kien imċaħħad mid-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq.
Huwa insista li kien informa lill-avukat tiegħu ta’ dak iż-żmien, Dustin Camilleri, iżda dan ma ppreżentax it-talbiet fil-ħin. L-ewwel Qorti kienet diġà ċaħdet it-talba, u Debono appella. Minn x-xhieda quddiem il-Qorti Kostituzzjonali ħareġ li Debono u Camilleri kienu qablu li jekk Debono jiġi notifikat, kellu jinforma lill-avukat mingħajr dewmien sabiex jitressqu l-atti meħtieġa.
Iżda l-Qorti nnotat kuntradizzjoni bejn il-verżjoni ta’ Debono u dik tal-avukat, li qal li Debono ma kienx ikkuntattjah u li meta reġa’ ltaqa’ miegħu f’Awwissu 2020, Debono qal li ma għamilx dan minħabba li ma setax iħallas.
Il-Qorti osservat li jekk verament Debono kien informa lill-avukat tiegħu, wieħed kien jistenna li jerġa’ jipprova jikkuntattjah, speċjalment fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi. Il-Qorti qalet li kienet diffiċli temmen li l-avukat kien jibqa’ kompletament passiv jekk kien infurmat dwar l-Att tal-Akkuża, u għalhekk għażlet li temmen il-verżjoni ta’ Camilleri.
Il-Qorti Kostituzzjonali kkonkludiet li ma kienx hemm provi li juru li kien hemm xi nuqqas gravi fis-servizz legali mogħti lill-attur, u lanqas li l-awtoritajiet kienu ġew infurmati b’xi falliment minn naħa tal-avukat. Barra minn hekk, ġiet enfasizzata l-fatt li Debono għadu ma għaddiex minn smigħ bil-ġurija, u li l-liġi tippermetti li jintalbu permessi speċjali biex jiġu ppreżentati dokumenti jew xhieda oħrajn, anke f’stadji aktar tardivi.
Għaldaqstant, l-appell ta’ Debono ġie miċħud u huwa ġie kkundannat iħallas l-ispejjeż. Il-Qorti Kostituzzjonali kienet magħmula mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul. Debono kien assistit mill-avukat Nicholas Mifsud, filwaqt li l-Avukat tal-Istat kien rappreżentat mill-avukat Julian Farrugia.
L-applikazzjoni tal-qorti kienet ippreżentata mill-avukat Joe Brincat li llum m’għadux magħna, kien akkuża lill-eks avukat legali tiegħu li “ma riedx jidher għalih u li rrifjuta li jaċċetta li jagħih ir-release (permess) sabiex ikun jista ‘jqabbad lil xi ħadd ieħor bħala avukat.” L-ebda avukat ieħor ma ried jieħu l-każ, għax dan ikun ksur tal-Kodiċi ta’ Etika. Kien l-Avukat Brincat li wara ħa l-każ.
Għal xi żmien – Debono kien assistit minn avukat tal-għajnuna legali, iżda dan kien limitat għal seduti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u ma kellu l-ebda awtorizzazzjoni biex jippreżenta appell, huwa qal. Dan, qal Dr. Brincat, ċaħħad lil Debono mill-possibbiltà li jippreżenta appell kontra s-sentenza ta’ ħabs tiegħu.
L-akkużat ukoll ma kienx irċieva proċess ġust fil-każ fejn kien akkużat li kiser probation sostna l-avukat, billi “dan ġab miegħu l-preżunzjoni ta’ ħtija, aktar milli innoċenza.” Debono qed jistenna li jgħaddi ġuri għall-attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli tal-pulizija Simon Schembri fl-2018.
Schembri kien kważi maqtul meta nqabad taħt il-karozzza u ġie mkaxkar mis-sewwieq u sofra minn pulmun imġarraf u fratturi fil-pelvi u l-kustilji. Id-driegħ tal-lemin ta’ Schembri kellu jiġi amputat taħt il-minkeb b’riżultat tal-ġrieħi li ġarrab.
//= $special ?>

