Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell ta’ inkwilina li kienet qed tinsisti biex lilha u l-familjari jingħatawlhom kumpens ogħla għad-danni mhux pekunjarji fil-każ dwar proprjetà soġġetta għal-liġijiet tal-kera protetta.
Il-Qorti kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti li kienet iffissat somma ta’ €1,000 bħala kumpens morali. Il-Qorti osservat li l-ammont ta’ danni mhux pekunjarji għandu jirrifletti biss it-tbatija personali li tkun ġarrbet il-vittma direttament u għalhekk dan il-jedd ma jgħaddix b’wirt.
F’dan il-każ il-kumpens kien dovut biss mill-mument tal-mewt tal-omm tal-attriċi fl-21 ta’ Jannar 2017 sal-30 ta’ Lulju 2018, għalhekk għal perjodu relattivament qasir. Għaldaqstant, il-Qorti qieset li s-somma ta’ €1,000 li kienet ġa ddeċidiet l-Ewwel Qorti kienet aktar minn suffiċjenti biex tindirizza t-tbatija morali effettiva tal-attriċi.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-Avukat tal-Istat ma ppreżentax appell fuq dan il-punt u għalhekk ma setgħetx tnaqqas is-somma diġà stabbilita. Konsegwentement, id-difiża tal-attriċi biex jingħata kumpens ferm ogħla – li hija kienet talbet li jilħaq €15,500 – ġiet miċħuda.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ordnat ukoll lill-attriċi tħallas l-ispejjeż tal-appell.
//= $special ?>

