Raġel u mara ġew mixlija li wettqu serqa vjolenti fil-Gżira ġimgħa ilu, fejn allegatament serqu €510 minn fuq raġel, fejn inżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu l-Qorti. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30am tad-29 ta’ Diċembru, fi Triq Sant’Albert.
L-Ispettur Lydon Zammit spjega kif il-vittma ġiet misruqa minn raġel armat b’sikkina flimkien ma’ mara, li mhux biss serqulu l-flus iżda wkoll it-telefon ċellulari u d-dokumenti personali tiegħu. Wara li ħebbew għalih, iż-żewġ suspettati qabdu taxi u ċċaqalqu minn appartament Airbnb għal ieħor sakemm fl-aħħar ġew rintraċċati nhar is-Sibt f’appartament short let f’Tas-Sliema, fejn ġew arrestati.
Matul tfittxija li saret fil-post, il-Pulizija sabu d-dokumenti tal-vittma, il-kartiera u l-mobile tiegħu.
Fil-Qorti tressqu Ivan Andres Hinestroza Ambuila ta’ 18-il sena u Monica Alejandra Delgado Garcia ta’ 21 sena, it-tnejn ċittadini Kolombjani mingħajr indirizz fiss f’Malta.
Huma ġew akkużati b’serqa aggravat bil-vjolenza, li kkawżaw biża’ ta’ vjolenza fuq il-vittma, kif ukoll li hedduh u insulentawh. Ġew ukoll akkużati li kienu fil-pussess ta’ arma waqt il-kummissjoni tar-reat u li kienu fil-pussess ta’ oġġetti misruqa.
Iż-żewġ akkużati ammettaw l-akkużi miġjuba kontrihom, iżda wara li l-Qorti spjegat il-konsegwenzi legali fuq ammissjoni, huma staqsew jekk jistgħux iħallsu multa u jevitaw priġunerija, b’Hinestroza Ambuila saħansitra jistaqsi jekk jistax iħallas multa u jiġi deportat.
Fid-dawl ta’ din l-imġiba u dawn il-kummenti, il-Qorti ma aċċettatx l-ammissjoni u għalhekk ordnat li jibqgħu taħt arrest.
Il-kawża saret quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat Martina Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi tal-Pulizija Ian Azzopardi, Keith Rizzo u Lydon Zammit, filwaqt li l-avukati tal-għajnuna legali Victor Bugeja u Ingrid Zammit Young assistew lill-akkużati.
//= $special ?>

