Il-union tal-infermieri u l-qwiebel ikkundannat b’mod mill-aktar aħrax lill-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela, li tella’ l-Qorti lill-infermieri tal-Cath Suite propju lejliet l-ewwel tas-sena l-ġdida.
Fi stqarrija, l-MUMN ikkundannat in-nuqqas ta’ rispett, id-double standards u anke l-falsità tal-Ministru JoEtienne Abela li tella’ lill-istess union il-Qorti għaliex ipproteġiet id-dritt għal-leave tal-infermieri li jaħdmu fil-Cath Suite.
Skont l-istqarrija, JoEtienne Abela – flimkien ma’ tliet avukati li jitħallsu sew mit-taxxi tal-poplu u cioè mit-taxxi tal-membri tal-MUMN, argumenta b’qawwa kontra l-infermieri tal-Cath Suite li kienu mċaħħda mil-leave mogħtija lilhom bil-liġi.
Fil-Qorti dawn l-avukati argumentaw li kien hemm numru ta’ każijiet li ma kenux ta’ emerġenza – iżda skedati – li kienu jinvolvu testijiet importanti għas-saħħa tal-qalb, u li allegatament mingħajr dawn il-proċeduri, żdied iċ-ċans li dawn il-pazjenti jmutu jew ikollhom attakk tal-qalb fost l-oħrajn.
Madanakollu, l-infermieri li jaħdmu fil-Cath Suite, tkellmu mal-MUMN u spjegaw li kienu minn tal-inqas ħamsa l-listi ta’ proċeduri skedati li kienu sospiżi bejn l-24 ta’ Diċembru u l-4 ta’ Jannar sabiex it-tobba jkunu jistgħu jgawdu żmien il-festi flimkien mal-familja, u kienu biss il-proċeduri ta’ emerġenza li saru f’dan il-perjodu.
Fl-istqarrija, l-MUMN iddikjarat li fl-24 u fis-26 ta’ Diċembru l-ebda lista ta’ proċeduri skedati u li għalihom iridu jiġu l-pazjenti mid-dar ma saru. F’jum il-Milied, fit-28 ta’ Diċembru u anke fl-ewwel jum tas-sena ma saru l-ebda proċeduri għaliex huma jiem ta’ festa u anke Ħdud.
Fis-27 ta’ Diċembru l-ebda proċeduri ma kienu ppjanati u dawk li saru, saru minn ħaddiema oħra f’dan il-qasam, filwaqt li bejn id-29 ta’ Diċembru u lejlet l-ewwel tas-sena, ma saru l-ebda proċeduri.
Huwa propju għalhekk li l-MUMN, filwaqt li ddikjarat li t-tobba wkoll għandhom id-dritt li jieħdu l-leave tagħhom, ikkundannat d-double standards tal-Ministru u l-ipokrezija tiegħu fil-konfront tal-infermieri. Fejn staqsiet, jekk il-Ministru kienx se jieħu lil dawn il-konsulenti tal-qalb il-Qorti wkoll għaliex issospendew minn tal-inqas ħames listi ta’ proċeduri skedati.
L-MUMN spjegat li l-infermieri ttieħdu l-Qorti wara li talbu li jingħataw aċċess għal-leave mingħajr ma jsibu min jaħdem minflokom, anke meta dan qatt ma affettwa l-listi tal-proċeduri.
Il-union, tenniet li s-sigurtà tal-pazjent ma għandiex tintuża’ bħala arma kontra l-infermiera, illi mhu qed jitolbu xejn speċjali għajr il-leave li huwa tagħhom bi dritt.
//= $special ?>
