Opinjoni

Opinjoni: Fl-2026 – Tgħid xi jmiss?

Adrian Delia
Shadow Minister
għall-Finanzi

Kienet sena twila. Jekk qatt jista’ jkun hemm waħda qasira. Imma għaddiet iktar malajr. Għaġġelija qisu, għax stħajjilt li seta’ jsir ħafna iktar imma ma sarx.
Kienet sena mħabbta żgur fejn inqala’ minn kollox imma xejn ġdid għax ġarrabna iktar mill-istess li offrew snin preċedenti. Min kien geddumu fix-xgħir kompla jegħreq fih.
Ċertu Roderick Galdes żgur li jaf jispjegalkom kif. Forsi mhux daqshekk faċli li jispjega kif irnexxielu jgħarraf kumpanija bħal Malta Investments li kellha tieqaf tibni postijiet għal min għandu l-iktar bżonnhom u sfaxxa l-investimenti ta’ mijiet ta’ azzjonisti l-iktar anzjani l-istess negozjant ‘bravu’ li rnexxielu jibni portafol varjat ta’ assi immobiljari fuq salarju ta’ Ministru. Issa forsi jgħallimna f’dan Jannar li ġej kif qatt dan seta’ jseħħ.

Fl-2025 issokta l-faqar
U min kien jitħabat mal-ħajja biex jittanta jlaħħaq baqa’ jaqta’ nifsu ta’ kuljum. Passi li jinħassu itqal. Tlajja’ li ma għandhomx inżul. Taħbit li qisu ma jkun irid jaqta’ qatt.
L-għoli tal-ħajja hu battalja kiefra wisq. Li tolqot fil-laħam il ħaj. Kull xahar, ġimgħa wara ġimgħa. Kuljum. U l-Gvern mhux talli ħanin imma aljenat.
Fl-għawġ li joħolqu l-ħluq wikkiela li jherruh minn ġewwa. Interessat biss biex jara kif jirbaħ biżżejjed voti biex jissalvagwardja l-permanenza tiegħu. Ftit, jew xejn, interessat fil-problemi tan-nies, wisq inqas li jara kif jinvesti fit-tul f’dan il-pajjiż ġojjel li għandna għax tul wisq l-elezzjoni ma baqagħliex.
Għax kif qatt jista’ jkun li qrib it-tmenin sena s-Sur Marshall jingħata tliet snin paga biex ma jersaqx lejn ix-xogħol mentri minn għaddej b’żewġ impjiegi, sahra kuljum, il-mara u r-raġel bejniethom ma jaqilgħux qrib il-mitt elf ewro li se jagħtih il-Gvern biex ma jgergirlu xejn li warrbuh.
“And the gravy train keeps on chugging”, jgħid l-Ingliż. Is-sinjur (jew aħjar dawk tal-qalba) jibqa’ jistagħna u ż-żgħir jibqa’ jiċkien fost l-għajjat ta’ “Viva l-Labour”. Jekk qatt kien hemm żmien ta’ illużjoni u falsità, ejjew insellmu s-sena 2025.

Fl-2025 issoktat l-isplużjoni fil-popolazzjoni
Għax filwaqt li jseħħ dan deskritt il-pajjiż ikompli jitgħabba. B’mijiet ta’ vetturi iktar fit-toroq tagħna kull xahar. Soluzzjonijiet li jew il-Gvern ma għandux jew meta jixħitilhom il-flus iktar jgħarraq sitwazzjonijiet (jew toroq) diġà inkwetanti.
Ħarsu jew aħjar għaddu waħda mill-Imsida li issa forsi mhux ser tibqa’ tgħerreq karozzi imma l-appartamenti u r-residenti tal-madwar diġà qed iġarrbu serbut wara l-ieħor ta’ vetturi ġġammjati wara xulxin fl-isqaqien iżolati jittajru ‘l fuq li ġew kreati.
Allura ma hemmx fejqan? Mhux ser nieħdu nifs? Din is-sena ġdida mhux se ġġibilna wens u serħan? Futur ta’ xejn?

Fl-2025 issokta l-mudell finanzjarju li falla
Sakemm jibqa’ dan il-Gvern le. Diġà stqarr li jrid jibqa’ jimporta n-nies minn barra l-Unjoni Ewropea. Il Ministru tal-Finanzi tana garanzija li biex nibqgħu nkabbru l-ekonomija jeħtieġ nitimgħuh iktar u iktar nies.
Il-Labour irid jibqa’ jkabbar il-popolazzjoni. Imqar għal 800,000 fis-snin li ġejjin. Meta l-pajjiż ma jiflaħx għal aktar nies. Meta Malta tagħna għażiża ċkejkna u mifnija diġà bil-wisq.
Meta mhu qed joffri ebda pjan fit-tul. Ebda investiment infrastrutturali serju. Ebda viżjoni li verament toffri tama u futur għaz żgħażagħ tagħna. Biex intant il-Maltin qed jonqsu f’pajjiżna. Il-kultura tagħna taħt theddida. Il-ġens Malti ipperikolat.

Fl-2026 insaħħu t-tama
Sakemm is-sena 2026 ma tkunx is-sena tal-bidla. Ta’ tmiem il-ħela bla rażan, il-gula u t-tħassir u l-bidu ta’ għaqal ġdid. Il bidu ta’ futur sabiħ. It-tama ta’ ġenerazzjoni ġdida. Is-sena fejn dak li sal-lum hu biss ħolma, għada jkun beda jseħħ.
Is-sena ta’ edukazzjoni ġdida, tat-tkabbir sostenibbli. Ambjent iħaddar, spazji miftuħa, ippjanar fit-tul. Ruħ soċjali, ġustizzja vera. Soċjetà li jimpurtaha. 2026 is-sena tat-tama.
Nistennewk 2026 inwegħduk li se nagħmlu kulma nistgħu biex tkun is-sena li Malta tant għandha ħtieġa għalik.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 4 ta’ Jannar, 2025.