Lokali

Quddiesa mal-koppji li ngħaqdu fiż-żwieġ matul is-sena li għaddiet

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ċċelebra quddiesa f’lejlet l-Epifanija bis-sehem tal-Moviment ta’ Kana u l-koppji li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ matul is-sena li għaddiet fil-Konkatidral ta’ Ġwann fil-Belt Valletta.

L-Isqof Awżiljarju fakkar lill-koppji li ż-żwieġ tagħhom hu “vokazzjoni, sejħa minn Alla. Qabel id-deċiżjoni, qabel il-wegħdiet, qabel il-ġurnata tat-tieġ, kien hemm għarfien profond: ‘Ma nistax nimxi waħdi. Din il-persuna hi rigal. Din il-mixja hi s-sejħa li għandi.’

Qabbel il-vjaġġ fiż-żwieġ mal-vjaġġ li għamlu s-Slaten Maġi: “Il-Maġi ma kinux jafu kollox. Ma kinux jafu kemm kienet twila t-triq, x’kien se jistennihom, jew fejn se twassalhom eżatt. Kienu jafu ħaġa waħda biss: kienu msejħin jimxu. Il-fidi vera dejjem tibda b’mixja. L-istess fiż-żwieġ: ħadd ma jiżżewweġ billi jkun jaf kollox. Il-wegħdiet ma jitkellmux dwar ċertezza assoluta imma dwar fedeltà. Il-wegħdiet ifissru: jien se nibqa’ nimxi miegħek, anki meta t-triq kultant ma tkunx ċara.”

Żied jgħid li fl-ewwel sena taż-żwieġ, il-koppji jiskopru veritajiet ġodda “dwar xulxin, dwarkom infuskom, u dwar xi jfisser verament li tħobb.

L-Epifanija tfakkarna li Alla ma jurix kollox f’daqqa imma jagħti biżżejjed dawl għal kull pass. U dak id-dawl ħafna drabi jgħaddi permezz tal-persuna li timxi ħdejk”.