Lokali Qorti

Raġel bla saqaf fuq rasu mixli li hedded ħames uffiċjali tal-Pulizija

Raġel ta’ 29 sena qal il-Qorti – it-Tnejn waranofsinhar – li ma setax jifhem għaliex qed jiġi akkużat waqt li kien arrestat.

Usam Abdullahi Sohdal, Libjan u li jinsab bla xogħol u bla saqaf fuq rasu, ġie akkużat li nhar il-Ħadd beda jhedded żewġ Surġenti u tliet Kuntistabbli tal-Pulizija.

Ġie akkużat ukoll li ma obdiex ordnijiet legittimi tal-pulizija, li ma kellux il-mezzi biex isostni lilu nnifsu, li kien qed jgħix ħajja ta’ vagabondaġġ, kif ukoll li kien qed iterraq fil-Marsa mingħajr raġuni ċara.

L-Ispettur tal-Pulizija Ian Vella spjega li l-uffiċjali kienu qed jagħmlu patrol fil-Marsa meta rnexxielhom jinnutaw lill-akkużat.

Talbu d-dettalji tiegħu sabiex jiġi mmultiat għat-tlajjar, iżda r-raġel irrifjuta li jagħti l-informazzjoni. Huwa ġie arrestat u meħud fl-Għassa tal-Pulizija, fejn kompla jilmenta qabel ma qabad jinsulenta u jedded lill-pulizija.

Permezz tal-avukat tiegħu, ir-raġel inizjalment iddeċieda li jammetti l-akkużi. Il-Qorti spjegat il-konsegwenzi legali ta’ dan il-punt, u Sohdal talab li jitkellem fil-Qorti. “Jien ninsab hawn għal xejn. Sabuni ġewwa gazebo. Ma nistax nifhem għaliex jien hawn,” qal Sohdal.

Minħabba dak li qal, il-Qorti ma aċċettatx l-ammissjoni tiegħu u nżamm taħt arrest.

Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil kienet qed tmexxi s-seduta, l-Ispettur tal-Pulizija Ian Vella kien mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Ingrid Zammit Young assistiet lil-Libjan.