Lokali Qorti

Raġel u mara estraditi minn Malta akkużati bi stupru u moħqrija ta’ minuri

Raġel u mara li kienu estraditi minn Malta lejn l-Irlanda ta’ Fuq tressqu fil-Qorti tal-Maġistrali ta’ Enniskillen fl-Irlanda, mixlija li wettqu stupru u moħqrija fil-konfront ta’ minuri.

Fi stqarrija, il-Pulizija Irlandiza qalet li nhar is-Sibt 14 ta’ Diċembru 2025, iż-żewġ persuni li ttieħdu lura f’pajjiżhom tressqu biex iwieġbu serje twila ta’ akkużi.

Ir-raġel ta’ 27 sena, u l-mara ta’ 58 sena, kienu estrediti fil-jum ta’ qabel. Intqal li r-raġel kien imfittex mill-Pulizija biex iwieġeb għal żewġ offiżi ta’ stupru u sitt offiżi ta’ assalt li wasslu saħansitra għal tbatija fiżika. Il-mara kienet imfittxija biex twieġeb għall-akkużi ta’ tliet offiżi ta’ ħsara fiżika fuq il-minuri u tliet offiżi ta’ moħqrija fuq il-minuri.

L-istqarrija tal-pulizija Irlandiża żiedet li l-allegati reati seħħew f’Enniskillen fi Frar 2020 u Ġunju 2021.

Iż-żewġ persuni kienu arrestati f’Għawdex fl-10 ta’ Settembru 2025 u immedjatament kienu bdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni.

Uffiċjal tal-Pulizija Irlandiża qal li din l-estradizzjoni doppja minn Malta tixhed l-impenn tagħhom li jibqgħu jiġru wara dawk li jikkommettu reat fl-Irlanda ta’ Fuq.

F’dan il-każ, il-Pulizija Irlandiża kkollaborat mal-Joint International Crime Centre tar-Renju Unit u l-awtoritajiet f’Malta biex dawn is-suspettati jkunu arrestati u estraditi… għall-ewwel darba għall-Pulizija Irlandiża.

Huma tressqu l-Qorti u matul is-smigħ, uffiċjal tas-servizzi tal-Pulizija tal-Irlanda xehdet li hi kienet f’pożizzjoni li tissostanzja l-akkużi li sarulhom. Iż-żewġ akkużati nżammu arrestati u reġgħu tressqu l-Qorti fid-29 ta’ Diċembru li għadda.