Il-poplu madwar ir-Renju Unit qed jiffaċċja elementi mill-aktar perikolużi fost il-ħalbiet kontinwi tal-borra u s-silġ….Sitwazzjoni li ħarbtet mhux ftit lill-iskedi tal-ivvjaġġar mill-art u mill-ajru, bil-mijiet tal-iskejjel ikunu kostretti li jagħlqu fl-inħawi tal-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.
Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet Britanniċi kienu qed joħorġu l-yellow warnings dwar il-gravità tas-sitwazzjoni u fost it-twissijiet biex in-nies f’numru ta’ zoni ma joħorġux minn djarhom sakemm it-temp jaqleb għall-aħjar.
Il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn kien l-aktar wieħed kiefer f’termini ta’ kesħa għar-residenti fl-Ingilterra u Wales – tant li t-temperaturi fi bnadi ta’ Cumbria niżlu għal kważi ħdax-il grad taħt iz-zero.
Fl-aħħar sigħat ukoll tħassru t-titjiriet u s-servizzi bil-ferrovija u fost konferma li l-uffiċjali fl-Ajruport ta’ John Lennon, f’Liverpool, kienu qed jipprojbixxu l-użu tal-mitjar minħabba l-kundizzjonijiet.
L-uffiċjali qalu li l-mitjar inkwistjoni spiċċa kopert bis-silġ u li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jistinkaw biex ineħħu l-periklu qabel jistgħu jissuktaw it-titjiriet.
Sadanittant, il-ferroviji tal-Eurotrains li qed jaħdmu s-servizzi mill-Istazzjon ta’ King’s Cross St Pancras fl-aħħar sigħat ma setgħux jaqsmu lejn l-Olanda minħabba l-maltemp.
Fl-istess ħin, id-diretturi tal-Eurostar qed javżaw lill-passiġġieri li jridu jivvjaġġaw minn Londra lejn Rotterdam ( fl-Olanda) biex jipposponu l-vjaġġi tagħhom saż-żmien meta l-kundizzjonijet jippermettu.
Kien ukoll ikkonfermat li tħassru diversi titjiriet tal-Easyjet mir-Renju Unit lejn lokalitajiet bħal Belfast, Praga u Amsterdam– u fost it-tamiet li dawn l-iskedi jirritornaw għan-normal mill-aktar fis possibbli.
//= $special ?>

