Għaddew numru ta’ ġranet u l-Prim Ministru Robert Abela għadu sieket dwar it-tiġrif ta’ faċċata ta’ binja fil-Birgu li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern.
Kien propju fl-aħħar ġimgħa tas-sena 2025, meta ċediet il-faċċata ta’ binja antika fil-Birgu u li bosta stqarrew li huwa miraklu li ma ħallietx vittmi fi żmien il-festi.
Resident li kkomunika ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet bi frustrazzjoni kbira, spjega li huwa inaċċettabbli illi l-Ministru responsabbli, Roderick Galdes, iddikjara li dan kien inċident li ma setax ibassru. Dan minħabba l-fatt li saru numru ta’ twissijiet minn diversi residenti; u anke mis-Sindku Laburista ta’ din il-lokalità.
Fil-komunikat ma’ Net News dan ir-resident iddikjara illi anke hu li bagħat lill-Ministru Galdes numru ta’ ritratti ta’ din il-faċċata li kienet antika u iddeterjorata. Ritratti, li juru li lura f’Ġunju tas-sena 2024 din il-faċċata kienet diġà tidher li qed tiġġarraf ftit ftit – bil-ħajt jidher mgħawweġ u l-kisi tal-ġebel saħansitra mittiekel totalment.
Minkejja dan, la l-Prim Ministru Robert Abela u wisq anqas il-Ministru responsabbli Roderick Galdes ma ħadu azzjoni.
Kien propju Net News illi żvela li s-Sindku Laburista tal-Birgu kien bagħat diversi emails kemm lill-Prim Ministru Abela u l-Ministru Roderick Galdes sabiex javżahom bil-periklu li kien hemm b’rabta mal-binja li ċediet il-faċċata tagħha fi Triq l-Antika.
L-istorja ta’ din il-binja tmur lura għall-2023, meta skont dak li qal is-Sindku Laburista mal-gazzetta ILLUM, f’Lulju ta’ dik is-sena kien bagħat email lill-Ministru u fakkru fuq il-konferenza stampa li kien għamel fejn wiegħed li se jirrestawra din il-binja u talbu sabiex iżomm kelmtu.
F’din l-istess intervista, is-Sindku Laburista spjega li l-ħtiġijiet tar-residenti tal-Birgu qed jaqgħu fuq widnejn torox, bir-residenti jinsabu mħassba ferm.
Net News bagħat numru ta’ domandi lil Roderick Galdes – iżda bqajna ma rċevejna ebda tweġiba ċara.
F’Lulju 2024, is-Sindku Laburista kiteb email lil Roderick Galdes kif ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela, fejn staqsih x’qed jistenna biex jagħmel xi ħaġa u x’se jiġri li jmutu n-nies?
Dan filwaqt li wara li seħħ il-każ, proprju ftit tas-sigħat wara, Boxall bagħat e-mail oħra lill-Ministru Galdes u lill-Prim Ministru Robert Abela fejn qalilhom li dak li seħħ kienet xorti tajba li ma miet ħadd – u inista li kien diġà wissihom li kienu qed jistennew li ssir diżgrazzja.
//= $special ?>
