Lokali Qorti

Sentenza fuq korruzzjoni ta’ minorenni dikjarata nulla

Nuqqas wassal biex sentenza tiġi dikjarata nulla wara lment fuq xhieda ta’ minuri fil-każ kostituzzjonali dwar il-proċeduri ta’ inkjesta maġisterjali fil-Liċeo San Ġorġ Preca, meta Ian Coleiro qal fil-Qorti li ma kienx infurmat dwar is-seduti f’Marzu 2017 li fihom xehdu minuri u għalhekk ma ngħatax l-opportunità li jagħmel kontroeżami, b’hekk allega li nħoloqo ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq.

Coleiro jinsab akkużat b’reat ta’ korruzzjoni ta’ minorenni u b’attentat vjolenti għall-pudur fuq il-persuna tal-istess minorenni.

Mill-atti proċesswali jirriżulta illi, qabel ma’ Coleiro ġie akkużat bl-imsemmija reati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati – kienet inħatret Inkjesta Maġisterjali fejn l-allegati vittmi minuri li kienu lkoll taħt l-età ta’ 16-il sena xehdu fil-preżenza tal-ġenituri tagħhom iżda mhux bil-proċedura tal-videoconferencing.

Jirriżulta wkoll li l-akkużat ma kienx preżenti hija u tingħata x-xhieda tal-imsemmija minuri. Mill-atti proċesswali jirriżulta wkoll li l-Prosekuzzjoni ddikjarat li m’hemmx il-ħtieġa li l-minuri jiġu prodotti fil-kumpilazzjoni sabiex jixhdu. Għalhekk l-unika xhieda tal-allegati vittmi minuri hija dik kontentuta fl-inkjesta Maġisterjali.

L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, sostnew li Coleiro kellu rimedji ordinarji li ma użax, u b’hekk baqgħu jinsistu fuq l-ewwel żewġ eċċezzjonijiet li kienu ppreżentaw quddiem l-Ewwel Qorti. Madankollu, fis-sentenza appellata ma sar l-ebda raġunament dwar dawn l-ewwel żewġ eċċezzjonijiet, lanqas fid-dispożittiv, u għalhekk ma tħarrġet l-ebda deċiżjoni formali dwarhom.

Il-Qorti osservat li skont l-Artikolu 219 tal-Kap. 12, kull dikjarazzjoni deċiżiva għandha tiddaħħal fid-dispożittiv u l-fatt li dan ma sarx jikkostitwixxi nuqqas li jippreġudika l-jedd ta’ smigħ xieraq. Minħabba dan il-fatt, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li s-sentenza appellata hi nulla, revokata, u ordnat li l-atti jintbagħtu lura quddiem l-Ewwel Qorti biex tingħata deċiżjoni ġusta u kompluta dwar l-ewwel żewġ eċċezzjonijiet.

Fir-rigward tat-tielet raġuni msemmija fid-digriet, il-Qorti ma ratx bżonn li tingħata deċiżjoni separata peress li n-nullità tas-sentenza hi biżżejjed biex timmodifika r-riedni tal-proċess.

Spejjeż tal-ewwel sentenza u taż-żewġ appelli ġew ordnati biex jibqgħu bla taxxa bejn il-partijiet, peress li f’dan il-każ ma kien hemm l-ebda rebbieħ jew tellief u dak li ġara ma kienx tort ta’ xi parti fil-kawża.

Ir-Reġistratur ġie ordnat jibgħat l-atti lura quddiem l-Ewwel Qorti biex tkompli tikkunsidra l-każ. Skont il-Liġi, eċċezzjoni ta’ nullità ta’ sentenza appellata ma għandhiex tintlaqa’ jekk is-sentenza tkun ġusta fis-sustanza tagħha, ħlief jekk l-eċċezzjoni tkun ibbażata fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, nuqqas ta’ ċitazzjoni, illeġittimità ta’ persuna.

Dan jgħodd ukoll jekk is-sentenza tal-Ewwel Qorti hi extra petita jew ultra petita jew fuq kull difett ieħor li jippreġudika l-jedd ta’ smigħ xieraq. Extra petita u ultra petita huma termini legali Latini li jirreferu għal qorti jew tribunal li joħroġ deċiżjoni li taqbeż l-ambitu ta’ dak li talbu l-partijiet fil-każ.

It-tnejn ġeneralment jitqiesu bħala raġunijiet għal appell jew annullament ta’ deċiżjoni għaliex jiksru l-prinċipju li mħallef m’għandux imur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet. Fil-fehma tal-Qorti, nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-ewwel żewġ eċċezzjonijiet hi difett li jippreġudika l-jedd ta’ smigħ xieraq għal min tahom.

Coleiro talab biex il-Qorti tiddikjara u tiddeċiedi li x-xhieda tal-minuri mogħtija fl-Inkjesta Maġisterjali tilledi u/jew sejra tilledi d-drittijiet fundamnetali tiegħu kif salvagwardjati mill-artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, mill-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u mill-artikolu 6 tal-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea.

Tiddikjara wkoll li x-xiehda tal-minuri mertu tal-proċeduri kriminali kontra r-rikorrent bħala inammissibbli u konsegwentament tagħti dawk ir-rimedji effettivi u xierqa fiċ-ċirkostanzi sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet fondamentali tal-akkużat.

Fiċ-ċirkostanzi, is-sentenza appellata hi nulla u ser tiġi revokata, u l-atti jintbagħtu lura quddiem l-Ewwel Qorti. Mark Chetcuti, Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul kienu l-Imħallfin li ddeċidew dwar dan il-każ.