Internazzjonali

Stati Uniti-Danimarka: Insistenza kontinwa dwar ‘id-dritt għal Greenland’

FILE PHOTO: Ocean water is pushed up by the bottom of a pinnacle iceberg as it falls back during a large calving event at the Helheim glacier near Tasiilaq, Greenland, June 22, 2018. REUTERS/Lucas Jackson/File Photo

Il-President tal-Istati Uniti mill-ġdid qed jinsisti bid-dritt għall-kontroll ta’ Greenland. Dan fost l-għajta familjari li ‘l-Istati Uniti teħtieġ bilfors li tieħu din l-art semi-awtonoma taħt idejha fl-interessi tas-sigurtà.

Sadanittant, il-Gvern tad-Danimarka, li hu responsabbli mill-politika għad-difiża u l-affarijiet barranin ta’ Greenland, ħareġ stqarrija xotta li tindika kemm jinsab urtat bil-pressjoni ta’ Trump li qatt ma ħeba l-intenzjonijiet tiegħu għat-territorju.

F’dan is-sens ukoll, ikkummenta l-Prim Ministru ta’ Greenland, Jens Frederik Nielsen, li – b’ton ta’ ċanfira għal Trump – qal li ‘iż-żejjed kollu żejjed’ filwaqt li sostna li l-kunċett ta’ Greenland amministrat minn Washington mhu xejn għajr ‘fantasija’.

Nielsen kompla li issa ddejjaq bl-insinwazzjonijiet tat-Tmexxija Amerikana u sostna li għalkemm hu u l-Gvern tiegħu huma miftuħin għal djalogu, dan irid isir skont il-proċeduri stabbiliti u b’rispett għal-liġi internazzjonali.

Donald Trump, iżda, mhux iżomm lura mit-theddida ta’ forza biex jieħu l-artijiet ta’ Greenland taħt idejh u wara li qajjem il-prospett li dan it-territorju mimli bir-riżorsi naturali jsir estensjoni tal-Istati Uniti ‘għall-iskopijiet ta’ difiża’.

Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru tad-Danmarka, Mette Frederiksen, insistiet li l-Istati Uniti ma għandha l-ebda dritt li ‘tannessa’ kwalunkwe art taħt kwalunkwe forma ta’ amministrazzjoni minn Kopenhagen.

Frederiksen kompliet li d-Danimarka – u effettivament Greenland –  jiffirmaw parti mill-Alleanza tan-NATO u għaldaqstant huma koperti mill-garanziji tas-sigurtà tal-Alleanza. Hi fakkret ukoll li diġà jeżisti ftehim relatat mad-difiża u li diġà jippermetti biex l-Amerikani jkollhom l-aċċess bla xkiel għall-artijiet ta’ Greenland.