Kunsill indipendenti għamel twissija serja dwar in-nefqa enormi tal-Gvern u l-isparpaljar tal-flus.
Il-Fiscal Advisory Council wissa lill-Gvern dwar l-isparpaljar tal-flus wara ż-żieda sostanzjali fin-nefqa tal-Gvern fl-2024. B’dan il-kunsill indipendenti jispjega illi l-Gvern oriġinarjament pjana illi ma kienx se jkabbar in-nefqa tiegħu għas-sena 2025 – sabiex ipatti tan-nefqa fl-2024.
Minkejja dan, jidher illi se jkun hemm żieda ta’ 5.8% fin-nefqa tal-Gvern u li se tkun qed tabqeż ir-rakomandazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – cioè, il-medium-term fiscal structural plan.
Ir-rapport ippubblikat minn dan il-kunsill jgħid illi l-isparpaljar tal-flus iħalli lil pajjiżna vulnerabbli ġaladarba l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu dgħajfa. B’dan l-istess kunsill jappella lill-Gvern sabiex juża’ l-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali ħalli jsaħħaħ il-finanzi ta’ pajjiżna u jżomm konformi mal-Unjoni Ewropea.
Il-kunsill jgħid ukoll illi dħul li jkun iddikjarat “żejjed” għandu jmur sabiex inaqqas id-deficit li l-Gvern daħħal lil pajjiżna fih; filwaqt li jnaqqas in-nefqa f’postijiet fejn mhux daqshekk meħtieġ – apparti li appella lill-Gvern sabiex jipprijoritizza l-investiment pubbliku fl-infrastruttura, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-ħiliet tal-ħaddiema, sabiex l-ekonomija tikber b’mod sostennibbli.
Intant, ir-rapport fakkar kif l-aħħar assessjar mill-Kummissjoni Ewropea fuq in-nefqa ta’ pajjiżna irriżulta fi twissija, fejn ġaladarba l-Gvern ma jkunx konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea, jafu tittieħed azzjoni.
Raapporti mill-awditur ġenerali f’pajjiżna juru illi l-interessi li l-Gvern irid iħallas fuq id-dejn tiegħu kienu jammontaw għal 261 miljun ewro lura fl-2024. Bid-dejn tal-pajjiż jaqbeż il-11 il-BILJUN ewro.
Fi stqarrija mix-Shadow Minister Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia, il-PN appella sabiex il-Gvern jisma’ minn dak li qed jgħidu l-esperti tiegħu stess, l-Awditur Ġenerali, istituzzjoniijiet Ewropej u anke lill-korpi kostitwiti għaliex pajjiżna jixraqlu kontabbiltà finanzjarja u għaqal fiskali. Fejn flus il-poplu jintużaw għal investiment li jġib miegħu ġid u kwalità ta’ ħajja aħjar.
//= $special ?>

