Futbol Sport

AĠĠORNAMENTI KONTINWI | Il-midja internazzjonali tirraporta ċaqliq fl-iskwadra ta’ Ħamrun Spartans

N’Dri Philippe Koffi (ritratt ta' Joseph Galea)
N’Dri Philippe Koffi (ritratt ta' Joseph Galea)

Illum jiftaħ uffiċjalment is-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar f’Malta. Net News flimkien ma’ Replay, il-programm tal-futbol lokali ta’ Net Television, qed insegwu dak kollu li qed jiġri, bl-aħħar dettalji, negozjati u trasferimenti konklużi li jkunu kkonfermati mil-klabbs rispettivi. Jirrapporta kull dettall Christian Micallef.

Danilo Bulevardi qrib li jingħaqad ma’ Ħamrun Spartans

Danilo Bulevardi huwa l-aħħar isem li fl-aħħar sigħat beda jissemmà fil-midja Taljana bħala wieħed mill-akkwisti l-ġodda li mistennija jsaħħu lil Hamrun Spartans Football Club matul dan ix-xahar tat-trasferimenti.

Ilbieraħ filgħaxija, diversi siti Taljani rrappurtaw li l-midfielder Taljan ta’ 30 sena temm l-esperjenza qasira tiegħu ma’ Virtus Verona. L-istess rapporti żiedu jgħidu li d-destinazzjoni li jmiss għal Bulevardi se tkun Malta, fejn mistenni jiffirma kuntratt ta’ sentejn maċ-champions Maltin.

Matul dan l-istaġun fis-Serie C, Bulevardi lagħab tmien partiti u skorja gowl wieħed. Jidher li l-wasla tiegħu f’Malta mhijiex b’kumbinazzjoni, iżda ġejja fuq talba diretta tal-kowċ Sqalli Giacomo Modica. Interessanti li kemm Modica kif ukoll Bulevardi huma oriġinarjament minn Mazara del Vallo, belt fi Sqallija, u fil-passat diġà ħadmu flimkien, l-ewwel ma’ L’Aquila u aktar reċentement ma’ Cavese. Din ir-relazzjoni tagħti lil Modica għarfien ċar tal-kwalitajiet tekniċi u tattiċi tal-plejer.

Bulevardi għandu esperjenza estensiva fil-futbol Taljan, l-aktar fis-Serie C, u huwa magħruf bħala midfielder ħabrieki li kapaċi jirbaħ ħafna blalen u jorganizza l-logħba minn nofs il-grawnd. Huwa wkoll versatili biżżejjed biex jilgħab bħala winger klassiku, b’ħila tajba fit-teknika u fil-kontroll tal-ballun. Il-profil tiegħu jindika li jista’ joffri valur miżjud lill-Ħamruniżi, speċjalment fil-fażi offensiva.

Fl-aħħar ġimgħat, il-midja Taljana kienet irrappurtat ukoll il-possibbiltà li Ħamrun Spartans jakkwistaw lil Jérémie Broh ta’ 28 sena minn Perugia, iżda skont informazzjoni li għandu Replay, dan it-trasferiment sfaxxa minħabba t-talba finanzjarja għolja tal-klabb Taljan.

Fil-każ ta’ Bulevardi, din il-problema ma teżistix, peress li l-plejer laħaq ftehim ma’ Virtus Verona biex jinħall mill-kuntratt tiegħu. Għaldaqstant, jekk kollox imur skont il-pjan, Bulevardi se jingħaqad ma’ Ħamrun Spartans fuq free transfer.

Midja Torka tirrapporta li N’Dri Philippe Koffi se jingħaqad ma’ Vanspor

Hamrun Spartans Football Club jibqgħu fl-aħbarijiet illum, hekk kif rapporti ġodda minn barra minn Malta – din id-darba mhux mill-midja Taljana iżda minn dik Torka – qed jindikaw li l-klabb tat-Tieni Diviżjoni Torka, Vanspor, akkwista lill-attakkant mill-Kosta tal-Avorju, N’Dri Philippe Koffi.

Il-plejer ta’ 23 sena, magħruf għall-veloċità tiegħu u li għandu wkoll passaport Franċiż, jidher li se jħalli lil Ħamrun Spartans matul din it-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar biex ikompli l-karriera tiegħu fit-Turkija.

S’issa din l-aħbar inżammet sigrieta, iżda diversi siti Torok qed jirrappurtaw li t-trasferiment ta’ Koffi għal Vanspor diġà ġie finalizzat. Skont dawn ir-rapporti, il-partita li lagħab nhar is-Sibt li għadda kontra Victoria Hotspurs fil-Meridianbet FA Trophy kienet l-aħħar waħda tiegħu mal-Ħamruniżi.

Koffi kien ingħaqad maċ-champions Maltin fis-sajf li għadda u, matul dan l-istaġun, lagħab 27 partita u skorja seba’ gowls f’diversi kompetizzjonijiet.

Interessanti li l-aħbar dwar Koffi dehret fil-midja Torka nhar il-Ħadd li għadda, iżda għal xi raġuni la Vanspor u lanqas Ħamrun Spartans għadhom ma ħabbru uffiċjalment dan it-trasferiment.

Naxxar Lions f’diskussjonijiet avvanzati ma’ żewġ attakkanti barranin

Naxxar Lions jinsabu viċin biex iħabbru l-ewwel akkwisti tagħhom f’din it-tieqa ta’ Jannar. Replay hu infurmat li l-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Winston Muscat qed tagħlaq l-aħħar dettalji qabel tħabbar uffiċjalment il-firma ta’ żewġ attakkanti barranin, wieħed Venezwela u l-ieħor mir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Yeangel Montero, attakkant ta’ 27 sena mill-Venezwela, kien qed jilgħab l-aħħar fl-ogħla diviżjoni ta’ pajjiżu ma’ Portuguesa FC. Dan l-istaġun, fl-ewwel parti tal-Kampjonat, b’format simili ħafna għal dak li għandna f’Malta, fil-Liga FUTVE Clausura, Montero skorja gowl f’disa’ partiti.

Sal-lum fil-karriera tiegħu, Montero lagħab 64 partita fil-Liga FUTVE u skorja 11-il gowl.

L-akkwist l-ieħor, li mistenni jkun ikkonfermat, hu dak ta’ Christopher Fourmy, mir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Fourmy għandu 32 sena u lagħab darba mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu u kien qed jilgħab l-aħħar f’Ċipru ma’ Lefke TSK.

Intant Replay jista’ jikkonferma wkoll li Naxxar Lions laħqu ftehim ma’ żewġ plejers oħra sabiex jinħallu mill-kuntratt ta’ bejniethom. Dawn huma l-attakkant Brażiljan, Firmino u l-midfielder difensiv Brażiljan ta’ 27 sena, Mariano.

Erba’ akkwisti oħra minn Tarxien Rainbows

Tarxien Rainbows F.C. qed jaħdmu b’mod intensiv biex isaħħu l-iskwadra tagħhom, b’enfasi partikolari fuq is-settur offensiv.

L-ewwel sigħat u jiem ta’ din is-sena l-ġdida kienu importanti ħafna għar-Rainbows, hekk kif il-klabb resaq eqreb li jassigura erba’ akkwisti ewlenin; kollha uċuħ ġodda fil-futbol Malti.

Nhar it-Tnejn filgħodu, Replay żvela esklussivament l-ewwel wasla imminenti, dik tal-attakkant Panamjan ta’ 26 sena Ángel Valverde, li se jingħaqad mal-klabb b’self mingħand CA Independiente, tim tal-Liga Panameña de Fútbol.

Aktar tard matul tal-bieraħ, The Times of Malta rrappurtat dak li mistenni jkun it-tieni akkwit ta’ Tarxien Rainbows fi ftit jiem — il-midfielder offensiv Kroat Marko Musulin. Il-plejer ta’ 27 sena, li lagħab l-aħħar fid-diviżjoni ewlenija tal-Kosovo, is-Superliga e Kosovës, ma’ FC Ferizaj, diġà jinsab Malta.

Għalkemm għadu ma ffirmax uffiċjalment, sorsi affidabbli qrib il-klabb qalu lil Replay li ntlaħaq ftehim u Musulin mistenni jiffirma din il-ġimgħa.

It-tielet żieda, li għadha ma ġietx imħabbra uffiċjalment, hi attakkant ieħor Panamjan — Isidoro Hinestroza. Bħalissa bla klabb, Hinestroza jitqies bħala wieħed mill-aqwa attakkanti ta’ Panama u lagħab l-aħħar ma’ Veraguas United FC fil-Liga Panameña de Fútbol. Għalkemm għadu ma rrappreżentax lil pajjiżu fil-livell internazzjonali, kien parti minn grupp ta’ taħriġ segwit mill-qrib mill-kowċ tat-tim nazzjonali ta’ Panama, Thomas Christiansen.

Billi Panama kkwalifikat għat-Tazza tad-Dinja tas-sajf li ġej, Hinestroza hu determinat li jħalli impressjoni qawwija matul il-perjodu tiegħu mat-Tarxien Rainbows, bit-tama li jikseb post fil-lista finali għat-23 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA.

Ir-raba’ u l-aħħar isem li qed ikun żvelat fil-media, bħala wieħed mill-akkwisti l-ġodda fi ftit jiem minn Tarxien Rainbows, u li kien żvelat esklussivament mil-midja soċjali ta’ Replay, hu dak tad-difensur ċentrali Serb, Petar Panic li għandu 24 sena.

Panic kien qed jilgħab l-aħħar fit-tieni diviżjoni ta’ pajjiżu, il-Prva liga Srbije ma’ FK Zemun. L-akkwist ta’ Panic għad irid jitħabbar b’mod uffiċjali minn Tarxien Rainbows, iżda sorsi qrib il-klabb tal-Malta Premier, ikkonfermaw ma’ Replay li Panic se jkun qed jifforma parti mill-iskwadra ta’ Jacques Scerri għall-bqija tal-istaġun. Interessanti l-fatt li Panic għandu statura għolja ħafna għal difensur ċentrali, dik ta’ 195 ċentimetru.

Naxxar Lions iħabbru l-akkwist ta’ midfielder Brażiljan ta’ 24 sena

Naxxar Lions illum ikkonfermaw l-akkwist tal-midfielder difensiv Brażiljan, JP Iseppe mingħand Botafogo-PB. JP Iseppe għandu 24 sena, u sal-lum l-esperjenza tiegħu kienet biss fil-kampjonati reġjonali ta’ pajjiżu.

Fil-passat, JP Iseppe lagħab mat-timijiet taż-żgħar ta’ São Paulo FC kif ukoll ma’ Figueirense Futebol Clube. Għaldaqstant l-esperjenza tiegħu f’Malta ma’ Naxxar Lions se tkun l-ewwel waħda tiegħu fl-Ewropa.